Thursday, March 28, 2024

ARA: “Aktar persuni qegħdin ifittxu l-għajnuna minħabba l-vjolenza domestika”

F’sitt xhur 123-il agressur u 1,889 vittmi fittxu l-għajnuna tal-FSWS minħabba vjolenza domestika…

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

F’pajjiżna n-numru ta’ aggressuri ta’ vjolenza domestika li qegħdin ifittxu l-għajnuna, żdied. Is-sena l-oħra kien hemm 107 persuna li talbu din it-tip ta’ għajnuna, mentri sal-aħħar ta’ Ġunju ta’ din is-sena, diġà hemm 123-il aggressuri li irrealizzaw li għandhom problema u fittxu l-għajnuna. Dan għadu kemm tħabbar mill-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għal Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS), Alfred Grixti, fil-konferenza “16-il Jum ta’ Attiviżmu kontra l-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru” li qiegħda titfakkar madwar id-dinja proprju llum 25 ta’ Novembru, il-Jum Internazzjonali kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa.

“In-numru ta’ persuni li fittxew għajnuna minħabba vjolenza domestika fl-2020 kien ta’ 2,220 u fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena dan l-ammont diġà tela’ għal 1,889…”

F’messaġġ irrekordjat Alfred Grixti sostna li l-FSWS kienet minn dejjem fuq quddiem fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika. Matul iż-żmien il-Fondazzjoni kabbret is-servizzi f’dan il-qasam u għalhekk kiber in-numru ta’ persuni li jfittxu l-għajnuna u dan kemm min-naħa tal-vittmi, kif ukoll minn agressuri. 

YouTube video

Il-vjolenza domestika hija sfida ta’ kuljum… “ma ninsewx lit-tfal”

Barra li kien hemm żieda fin-numru ta’ agressuri li fittxu l-għajnuna, minn figuri li ta Grixti, in-numru ta’ persuni li s-sena l-oħra talbu l-għajnuna mill-FSWS minħabba vjolenza domestika kien ta’ 2,220-il vittma. Huwa qal li, “jekk l-individwi jibqgħu ifittxu l-għajnuna b’dan ir-ritmu, dan in-numru żgur li din is-sena se jinqabeż għax sal-aħħar ta’ Ġunju ta’ din is-sena diġà fittxew l-għajnuna 1,889-il persuna”. 

“Il-problema tal-vittmi hija ta’ kull wieħed u waħda minnha” – Alfred Grixti, Kap Eżekuttiv FSWS

Il-Kap tal-FSWS spjega li x-xelter Għabex li huwa l-ewwel post li persuna tmur fih wara li titlob l-għajnuna. Matul is-sena li għaddiet kienu 39 persuna li flimkien mat-tfal magħhom użaw dan ix-xelter. Qal li din is-sena sa Ġunju diġà għamlu użu mix-xelter Għabex 18-il vittma. 

Il-Kap Eżekuttiv saħaq li dan huwa sinjal tajjeb ħafna għax iktar ma jkun hemm persuni li jirrikorru għall-għajnuna, tiżdied aktar il-ġlieda kontra l-pjaga tal-vjolenza domestika. Afred Grixti temm jgħid li, “il-vjolenza domestika hija sfida ta’ kuljum li rridu naħdmu biex negħlbuha f’kull jum tas-sena u mhux biss fil-jum tal-25 ta’ Novembru”.

Ekonomija

Sport