Wednesday, April 24, 2024

Tliet uffiċjali tal-MMF f’taħriġ fil-karting

Aqra wkoll

Tliet uffiċjali tal-Malta Motorsport Federation, Adrian Figallo, Ruben Hili u Andrea Rizzo, telqu lejn Adria Raceway għall-WSK Karting Open Finals bħala parti mit-taħriġ kontinwu tagħhom.

It-tliet uffiċjali, Figallo bħala Steward, Hili bħala Direttur tat-tiġrijiet u Rizzo bħala Skrutinju, kellhom tlett ijiem ta’ taħriġ intensiv li kien jikkonsisti f’osservazjoni tal-operat tad-Direttur tat-Tlielaq, Alessandro Ferrari, Chairman ta’ Stewards Oronzo di Bari u Mario Pacella, Direttur Tekniku.

L-uffiċjali Maltin ġew mgħallma l-proċeduri kollha relattivi mal-operat u t-tmexxija ta’ avvenimenti tal-karting minn uffiċjali ta’ esperjenza li jmexxu avveniment bħall-WSK Karting Open Finals.

L-avveniment kellu 280 kompetitur fi klassijiet varji u aktar minn 60 tiġrija fi tlett ijiem.

Adrian Figallo, Steward u Kap tal-Uffiċjali fil-Malta Motorsport Federation qal: “Matul dawn it-tlett ijiem, Hili, Rizzo u jien kellna espożizzjoni estensiva għall-mod professjonali kif tmexxi avveniment tal-karting ta’ dan il-kobor. 

“Dan l-għarfien ser jkun ta’ benefiċċju kbir għall-kampjonat lokali tal-karting u avvenimenti oħra li se nkunu qed immexxu fil-futur. 

“Nirringrazzjaw lil Malta Motorsport Federation, Alessandro Ferrari, Oronzo di Bari u Mario Pacella ta’ din l-opportunità.”

Sport