Tuesday, December 24, 2024

ARA: “Apparat li għenni ħafna”

L-istorja taċ-ċkejken Thiago… il-Malta Trust Foundation kienet ta’ għajnuna kbira għalih

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Apparat speċjalizzat li ngħata lil tifel ta’ 10 snin minħabba ċirkostanzi ta’ viżta qed ikun ta’ għajnuna kbira għalih fil-ħajja edukattiva u anke dik personali.

Din hija l-istorja ta’ Thiago, li L-Orizzont fl-aħħar jiem iltaqa’ miegħu u m’ommu Marylis Mallia fejn magħhom tkellimna dwar l-għajnuna li huma sabu mill-Malta Trust Foundation.

Marylis bdiet billi qalet li binha għandu kundizzjoni magħrufa bħala benign intracranial hypertension, li tikkawża pressjoni fil-moħħ u fin-nerv ta’ wara l-għajn.

Qalet li l-Malta Trust Foundation kienu provdewlhom apparat speċjalizzat li għen lil Thiago biex ikun jista’ jara l-kliem u jaqra aħjar u anke laptop biex ikun jista’ jikkomunika aħjar ma’ sħabu tal-iskola.

“Nirringrazzjaw mill-qalb lill-Fondazzjoni għax bis-saħħa tagħhom Thiago mexa ħafna ‘l quddiem anke skolastikament,” qalet Marylis. “Milli nara minn features oħra, ikun hemm tfal bl-awtiżmu ma kinux jitkellmu u dan l-apparat jagħmel differenza kbira fil-ħajja tagħhom.”

U issa li Thiago qed juża dan l-apparat kif qed iħossu? Bi tbissima fuq wiċċu huwa jgħidilna li l-apparat qed ikun ta’ għajnuna kbira għalih u ta’ dan irringrazzja lill-Malta Trust Foundation u anke lill-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca, li hija wkoll il-fundatriċi u Ċerpersin ta’ din il-Fondazzjoni.

Fl-aħħar nett, ommu ħeġġet lin-nies biex ikomplu jagħtu d-donazzjonijiet tagħhom lill-Malta Trust Foundation għaliex “qiegħda tagħmel ġid kbir.”

Sadanittant, Marylis fakkret ukoll il-memorja tal-maħbub binha l-ieħor Ramiro, li ddeskrivietu bħala persuna li kien jaħseb f’kulħadd u li għalih il-familja kienet tiġi l-ewwel u qabel kollox. Ramiro, li kien fieq mill-kanċer, kien tilef ħajtu f’inċident sfortunat sentejn ilu.

Marylis u Thiago se jkunu qed jieħdu sehem ukoll waqt il-maratona ġbir ta’ fondi b’risq il-Malta Trust Foundation li se ssir is-Sibt 20 ta’ Mejju u li se tixxandar fuq l-istazzjonijiet televiżivi kollha bejn il-11.00 a.m. u l-11.00 p.m.

Sa issa l-Fondazzjoni diġà tat aktar minn 300 apparat speċjalizzat lil tfal li għandhom problemi fil-viżta jew li ma jitkellmux, liema apparat qed ikun ta’ għajnuna kbira għalihom biex ikunu jistgħu jikkomunikaw aħjar.

Ekonomija

Sport