Saturday, December 28, 2024

ARA: Attendenza kbira għall-festa ta’ San Girgor f’Marsaxlokk

Madankollu l-maġġoranza qalu li għadu kmieni għall-għawm

Aqra wkoll

Folla numeruża minn diversi lokalitajiet attendiet bi ħġarha f’Marsaxlokk sabiex għal darb’oħra reġgħet ġiet iċċelebrata l-festa ta’ San Girgor. Tajjeb li nfakkru li b’kuntrarju għas-sena l-oħra fejn kienu għadhom imposti numru ta’ restrizzjonijiet attribwiti għall-Covid-19, din is-sena l-festa saret b’mod normali għalkollox bħalma kienet qabel ma faqqgħet il-pandemija.

It-temp kien fattur importanti li kompla jiddetermina din l-attendenza kbira, hekk kif kienu bosta dawk li rħewlha għal fuq xi bank max-xatt jammiraw il-ġmiel tal-klima Maltija, b’dik it-taħlita taċ-ċafċifa tal-baħar, ix-xemx tisreġ flimkien ma’ xi buffura riħ appena toqrob lejn il-bidu u tmiem tal-monti.

Il-festa ta’ San Girgor normalment hija magħrufa ħafna għat-tradizzjoni tal-ewwel għawma tas-sena. Però, din is-sena ma jidhirx li kien hemm bosta nies li mxew ma’ din l-użanza, tant li f’kummenti li ġabar dan is-sit minn nies ta’ etajiet u sess differenti qalulna li qed jaqtgħu qalbhom biex jibdew l-istaġun tal-għawm minn issa. Oħrajn li kienu daqsxejn avvanzati fl-età qasmu magħna esperjenzi tas-snin imgħoddija fejn qalulna li meta kienu iżgħar kienu jimxu ma’ din l-użanza tal-għawm. Dan filwaqt li kien hemm persuni li żvelaw magħna illi kellhom il-ħsieb li jmorru dawra bid-dgħajsa mal-akkwati ta’ Marsaxlokk.

Uħud qalu ma’ Talk.mt illi ddeċidew li jattendu għall-festa minħabba attrazzjonijiet oħra, fosthom l-għana u t-tombla. L-armar tal-bejjiegħa tal-monti ma naqasx ukoll f’dan il-jum.

Ekonomija

Sport