Sunday, December 22, 2024

ARA: Bosta jilqgħu l-istedina biex jaraw ir-restawr li sar s’issa fil-Main Guard

Aqra wkoll

Heritage Malta qed toffri lill-pubbliku għall-ewwel darba l-opportunità li bejn llum u għada jżur il-binja tal-Main Guard fil-Belt Valletta u jara fiex waslu x-xogħlijiet ta’ restawr u konservazzjoni li għaddejjin hemmhekk, fosthom fuq mijiet ta’ kwadretti mpittrin fuq il-ħitan. Id-dħul għal dan l-open weekend se jkun bla ħlas.

Il-Main Guard aktarx li nbena lejn il-bidu tas-seklu 17 mill-Gran Mastru Alof de Wignacourt biex iservi bħala l-kwartieri tal-għassiesa tal-Palazz tal-Gran Mastru, li jinsab eżatt faċċata tiegħu. Għal aktar minn 350 sena, sal-bidu tas-snin 70 tas- seklu 20, il-binja tal-Main Guard baqgħet taqdi din l-istess funzjoni.

Fi żmien l-Ingliżi fil-Main Guard tpittru mijiet ta’ kwadretti li fil-parti l-kbira tagħhom jinsabu f’dik li kienet l-Officers’ Mess, jiġifieri s-sala fejn is-suldati Ingliżi li xogħolhom kien li jgħassu l-Palazz kienu jieklu u jistrieħu waqt li jistennew il-ħin isir għax-xift li jmiss. Wieħed mill-modi kif is-suldati kienu jqattgħu l-ħin kien billi jpittru xenetti fuq il-ħitan. Hemm aktar minn 300 minn dawn il-pitturi – uħud minnhom saħansitra skoperti dan l-aħħar, waqt li għaddej ix-xogħol ta’ konservazzjoni u restawr.

F’konferenza tal-aħbarijiet, iċ-Chairman ta’ Heritage Malta, Anthony Scicluna, tkellem dwar l-istorja rikka ta’ pajjiżna, li fiha l-Main Guard kellu sehem importanti. Huwa ħeġġeġ lill-pubbliku biex jikkonkorri għall-Open Weekend ħalli jikseb perspettiva usa’ tal-funzjoni ta’ din il-binja matul iż-żmien.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, spjega li l-ħsieb aħħari tal- aġenzija nazzjonali għall-wirt kulturali hu li x-xogħol fil-binja tal-Main Guard ikompli għaddej id f’id mal-proġett estensiv li qed isir fil-Palazz tal-Gran Mastru. Meta x-xogħlijiet jitlestew, il-Palazz ikun jista’ jitgawda fl-isplendur kollu tiegħu filwaqt li l-binja tal-Main Guard tibda sservi bħala ċentru ta’ interpretazzjoni għas- siti kollha ta’ Heritage Malta fil-belt kapitali u lil hinn. Ir-riġenerazzjoni tal-Main Guard hija parti mill-viżjoni strateġika ta’ Heritage Malta għall-Belt Valletta li, flimkien ma’ strateġiji għal żoni oħra fosthom il-Kottonera, tiżgura l- implimentazzjoni ta’ proġetti li jkomplu jikkonsolidaw l-impenn tal-aġenzija lejn esperjenza ħolistika u multisensorjali li tiffoka fuq il-viżitatur fis-siti u l-mużewijiet kollha tagħha.

Il-Perit Katya Maniscalco, Manager tal-Proġetti fi ħdan Heritage Malta, tkellmet dwar ix-xogħol li għaddej mil-lat strutturali. Hija qalet li meta jitlesta x-xogħ.ol, is- sular ta’ fuq se jiffoka l-aktar fuq il-kwadretti mpittrin fuq il-ħitan, li se jingħataw il-ħajja bl-għajnuna tat-teknoloġija diġitali. Is-sular ta’ isfel, min-naħa l-oħra, se jaqdi funzjonijiet differenti fejn se jkun punt ta’ referenza għall-attrazzjonijiet ta’ Heritage Malta fil-Belt Valletta u l-bqija ta’ Malta, joffri interpretazzjoni kuntestwali tal-istorja u l-funzjoni tal-binja, kif ukoll jipprovdi infrastruttura għal installazzjonijiet ta’ arti diġitali matul ħinijiet estiżi.

Anthony Spagnol, Konservatur Anzjan ma’ Heritage Malta, tkellem dwar ix-xogħol ta’ konservazzjoni u restawr li qed isir fuq il-kwadretti mpittrin mal-ħitan. Huwa qal li x-xogħol fuq il-pitturi fl-Officers’ Mess issa tlesta u għalhekk inbeda x-xogħol fuq pitturi oħra li jinsabu fil-kmamar tal-madwar. F’dawn il-kmamar l-elementi pittoriċi juru skeletri, xjaten u kreaturi oħra makabri, b’kuntrast mal-kwadretti fl- Officers’ Mess, li jiffokaw aktar fuq il-ħajja ta’ kuljum. Ir-raġuni għala s-suġġett tal-mewt huwa daqshekk rappreżentat hija misteru, għalkemm il-mewt hija tema li s-suldat inevitabbilment jikkontempla spiss dwarha.

Il-ħinijiet tal-lum bdew fil-11:00 a.m u jintemmu fl-10:00 p.m filwaqt li l-ħinijiet ta’ għada huma mill-10:00 a.m sal-4:00 p.m. Kemm llum kif ukoll għada se jkun hemm lecture mill-espert militari Denis Darmanin, b’ħin għall-mistoqsijiet tal-parteċipanti. Il-lecture tas-Sibt sar fis-6:00pm filwaqt li dik ta’ għada jibda fil-11:00 a.m. Id-dħul għal-lectures huwa bla ħlas, iżda wieħed irid jirriserva postu billi jmur fi kwalunkwe sit jew mużew ta’ Heritage Malta, jew billi jibgħat email lil [email protected]. Il-postijiet huma limitati.

Dawk li jattendu l-open weekend iridu jilbsu maskra u jirrispettaw il-miżuri tad- distanza soċjali.

Ekonomija

Sport