Thursday, April 25, 2024

L-ELETTRIKU U L-GAS

Aqra wkoll

Żewġ sorsi importanti tal-enerġija.  Biss ftit tisma’ nies jitkellmu fuqhom ħlief meta jinqata’ d-dawl.  

Sitwazzjoni differenti minn dik li kienet qabel 2013.  

Kien hemm tliet fatturi li kienu dejqu n-nies qabel l-2013.  L-ewwel kien il-prezz speċjalment dak tal-elettriku.  Minħabba l-politika ta’ awsterita’ tal-gvern ta’ GonziPN, il-prezz kien sploda ‘l fuq.  Minn prezz li kien wieħed irħis meta tqabblu ma ta’ pajjiżi oħra tela’ għal wieħed mill-aktar għoli.  

L-impatt kien wieħed serju ħafna għal bosta familji.  Skont l-istatistika tal-UE, il-faqar fl-enerġija (energy poverty) kien sploda ‘l fuq bħala prezz.  Filli kien hemm faqar ta’ madwar 9% tal-popolazzjoni ta’ Malta li kienu fqar u kif tela’ l-prezz dan sploda għal 24%.  24% tfisser li familja kull erba’ Maltin ma setgħux ilaħħqu ma dan il-prezz.  

Biss l-akbar insult lejn il-poplu ġie mill-PM.  Mhux talli kien qalilna li kien kburi li ħa d-deċiżjoni li jgħolli l-prezz imma qalilna wkoll li l-faqar f’Malta ma jeżistix.  Din kienet perċezzjoni – jiġifieri fl-imħuħ tal-Maltin biss.  Tajjeb li niftakru li ħafna mid-Deputati Parlamentari tal-PN li hemm illum, kienu kollha ivvutaw għal dawn iż-żidiet. 

Dan barra l-problema tat-tniġġiż.  Naħseb ftit għadhom jiftakru t-trab iswed li konna nsibu kull filgħodu.  Trab li kien iniġġes il-parti kbira tan-nofs ta’ Malta.  Kienu qalulna li mhux mill-power station tal-Marsa.  Biss tiskanta kif meta l-gvern preżenti kien għalaq il-power station tal-Marsa ma rajniex traba oħra sewda!  

L-effett tal-power station tal-Marsa ma kienx it-trab iswed biss.  L-ewwel kien hemm is-saħħa tan-nies li kienet sejra lura.  Kien hemm ukoll il-penali li kien qed iħallas il-gvern minħabba tniggis li din il-power station kienet qed tagħmel.  

Ħaġa li tiskantani hi li dawk in-nies li jħobbu jipprotestaw kontra l-gvern preżenti u minkejja t-tibdil li sar biex intejbu l-ambjent, jikkritikawh minħabba l-ambjent, ma kienu jidhru mkien biex jipprotestaw id-diżastru li fih il-poplu kellu jgħix minħabba gvern bla ħila. Dan juri li l-mottiv ta’ dawn in-nies mhux l-ambjent, iżda wieħed politiku.

Fattur ieħor li nsejna kien it-tibdil tal-prezzijiet li kellna nħabbtu wiċċna magħhom sew fil-gas u sew fil-petrol.  Kif jasal l-aħħar tax-xahar kulħadd imsarnu f’saqajh għax ma jafux kif ser ikun il-prezz kif jibda xahar ġdid.  U il-petrol stations kienu jkunu mimlija kjus li kienu jingemghu biex jimlew it-tank tal-petrol fl-ahhar tax-xahar.

Il-gvern ta’ Gonzi kien ġab il-familji Maltin fi stat ta’ inċertezza kbira.  Mhux hekk biss, imma din l-inċertezza kienet waħda kontinwa.  Tant kienet saret ħażina s-sitwazzjoni li minkejja li l-unions ma kienux jaraw għajn m’għajn, kienu ngħaqdu biex jipprotestaw kontra dawn il-miżuri tal-gvern GonziPN.

Illum dawn l-affarijiet insejnihom.  Insejnihom, għaliex mill-ewwel ġurnata tal-gvern preżenti mhux biss ġab stabilita’ iżda wkoll ġid u serħan tal-moħħ biex sew il-familji u sew in-negozji kienu jistgħu jiffukaw l-enerġija tagħhom biex ikomplu jtejbu ħajjiethom u jaraw l-aspirazzjonijiet tagħhom jitwettqu.

Dan l-aħħar il-prezzijiet splodew ‘l fuq fid-dinja kollha mbarra Malta.  Tajjeb niftakru li kieku illum hemm gvern nazzjonalista, il-prezzijiet kienu wkoll jitilgħu Malta għax il-PN għad għandu l-istess politika u l-istess nies li kellu qabel 2013.

Sport