Thursday, June 11, 2026

Ikkonfermati sentejn ħabs għal Stoyan Gafà … b’rabta mal-inċident f’Tal-Barrani

Aqra wkoll

Il-Qorti tal-Appell Kriminali kkonfermat is-sentenza ta’ sentejn ħabs li weħel Stoyan Gafà b’rabta mal-inċident fi Triq tal-Barrani, limiti ta’ Ħal Tarxien, li fih weġġgħu żewġ uffiċjali ta’ Transport Malta.

Gafà kien wieġeb ħati li saq vettura tal-għamla Mercedes bi traskuraġni, mingħajr polza tal-assigurazzjomi, li saq taħt l-effett tax-xorb jew drogi, li darab lill-uffiċjali, li kkaġuna ħsara fi tliet vetturi u li naqas milli jħares il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest fuq każ ieħor. 

L-inċident kien seħħ fil-lejl ta’ bejn l-10 u l-11 ta’ Frar li għadda. Wieħed mill-uffiċjali ta’ Transport Malta kien sofra ġrieħi gravi filwaqt li l-uffiċjal l-ieħor kien sofra ġrieħi ħfief. 

Huwa kien ikkundannat sentejn priġunerija iżda appella mis-sentenza fejn ilmenta li din il-piena kienet waħda eċċessiva u semma kif il-prosekuzzjoni u d-difiża kienu qablu li piena ta’ sena priġunerija effettiva tkun waħda idonea fiċ-ċirkostanzi.

L-Imħallef Neville Camilleri, li quddiemu nstema’ l-appell, qal li l-piena li kienet tat il-Qorti tal-Maġistrati lil Gafà kienet taqa’ fil-parametri tal-liġi u dan meta jittieħed konsiderazzjoni dak li l-imputat ġie akkużat bih quddiem l-ewwel Qorti u n-natura serja tal-akkużi li huwa ġie misjub ħati tagħhom.

Din il-Qorti qalet li hi tal-fehma li fiċ-ċirkostanzi ta’ dan il-każ, il-piena fil-konfront tal-appellant kienet waħda korretta. “Għandu jingħad li ma tressqet l-ebda raġuni valida li b’xi mod jew ieħor tista’ twassal għal din il-Qorti sabiex tvarja l-piena msemmmija,” qal l-Imħallef Camilleri filwaqt li ċaħad l-appell ta’ Gafà u kkonferma s-sentenza appellata fl-intier tagħha. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport