Il-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga tibqa’ prijorità. U f’pajjiżna, tul dawn l-aħħar snin, kienu rreġistrati bosta suċċessi f’dak li jirrigwardja l-qbid ta’ droga mill-awtoritajiet rispettivi bħalma huma l-Pulizija u d-Dwana ta’ Malta. Ta’ dan, l-uffiċjali rispettivi jistħoqqilhom kull tifħir għaliex il-ħidma tagħhom qiegħda tħalli r-riżultati mixtieqa.
L-aħħar ħidma b’suċċess imwettqa mid-Dwana kienet il-qabda ta’ 113-il kilo kokaina fil-Port Ħieles, bil-valur tad-droga misjuba huwa mifhum li jaqbeż it-€12-il miljun. Id-droga misjuba kienet moħbija f’disa’ pistons industrijali u li kienu miżmuma f’kontejner li wasal mill-Costa Rica u li kien destinat lejn il-Libja. Dawn il-pistons tqattgħu fil-preżenza tal-uffiċjali tal-Pulizija biex setgħet tinħareġ id-droga.
Din l-aħħar qabda kbira ta’ droga tixhed kemm l-investiment li sar f’tagħmir sofistikat bħalma huwa l-iscanner tad-Dwana qed iħalli riżultati konkreti fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga. Iżda l-qbid tad-droga huwa wieħed biss fost il-ħidma li twettaq id-Dwana.
Hija wkoll taħdem b’mod intensiv biex taqbad il-ħruġ ta’ ammonti eċċessivi ta’ flus minn pajjiżna. F’dawn l-aħħar żminijiet mhux darba jew tnejn li d-Dwana interċettat nies li kienu ħerġin minn Malta b’ammonti kbar ta’ flus bi ksur tal-liġi. Minbarra dan, hemm ukoll l-interċettar u l-qbid ta’ għadd ta’ oġġetti foloz.
B’sodisfazzjon ninnutaw il-koperazzjoni li d-Dwana ta’ Malta ssib u li tagħti lil Dipartimenti tad-Dwana oħra kemm dawk fil-kontinent Ewropew u anke lil hinn. Dan flimkien ma’ skambju ta’ informazzjoni dwar temi differenti li jistgħu jkunu ta’ għajnuna kbira anke fl-era diġitali li ninsabu fiha.
Fuq livell lokali, dan il-qbid kollu speċjalment ta’ droga jawgura tajjeb u jirrifletti s-serjetà li l-awtoritajiet qed jagħtu lill-ġlieda kontra t-tixrid tad-droga sew Malta u kif ukoll barra. Għaldaqstant huwa importanti li l-investiment fid-Dwana jibqa’ għaddej, ħalli jkompli jinkoraġġixxi aktar sigurtà f’livelli differenti f’pajjiżna.



