
Il-Proġett tal-Imsida Creek qed ikompli javvanza b’pass kostanti hekk kif ix-xogħlijiet issa daħlu f’fażi importanti ffukata fuq il-preparazzjoni ta’ spazji pubbliċi ewlenin fil-pjazza, inkluż pavimentar u strutturi aktar aċċessibbli għall-komunità.
Il-Ministru għall-Infrastruttura, l-Ippjanar u x-Xogħol Dr Jonathan Attard flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastruttura Malta s-Sur Steve Ellul, Project Managers u Periti żaru l-post fejn jista’ jiġi nnutat il-progress sostanzjali li sar fuq diversi partijiet tal-proġett, partikolarment fil-pjazza prinċipali, fl-inħawi tal-knisja u fiż-żona quddiem il-Każin tal-Banda.
“Il-Proġett qed jifforma b’mod kostanti u r-residenti diġà qed jibdew jibbenefikaw mill-investiment li qed isir f’din iż-żona. Il-prijorità immedjata tagħna hija li niżguraw li spazji pubbliċi ewlenin, inklużi l-pjazza l-ġdida u ż-żoni ta’ max-xatt, ikunu lesti għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa”, qal il-Ministru Attard.
Sar ukoll progress sinifikanti fuq il-promenade tax-xatt, fejn parti kbira mix-xogħlijiet tal-pavimentar diġà tlesta. Huwa mistenni li kemm il-pjazza riġenerata kif ukoll il-promenade tax-xatt ikunu aċċessibbli fil-ġimgħat li ġejjin.
“Għaddejjin ukoll b’xogħlijiet infrastrutturali oħra importanti f’partijiet oħra tal-proġett fosthom l-installazzjoni tas-servizzi taħt l-art, il-kostruzzjoni tal-kanal tal-ilma, l-iżvilupp tal-parkeġġ taħt l-art u xogħlijiet oħra relatati mar-riġenerazzjoni usa’ tal-ispazju pubbliku. Meta jitlesta, dan il-proġett se jagħti lill-komunità xatt modern, aċċessibbli u attraenti li se jgawdu minnu l-ġenerazzjonijiet preżenti u dawk futuri”, spjega l-Ministru Attard.
Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv is-Sur Steve Ellul sostna li l-andament fuq il-proġett baqa’ miexi b’rittmu mgħaġġel ħafna inkluż ix-xogħlijiet fuq iż-żoni li huma żoni pedonali u ż-żoni ukoll ta’ spazji miftuħa bħalma hija dik tal-pjazza.
“Ix-xogħol se jibqa’ għaddej anke matul is-sajf fuq iż-żona li ħa tkun kruċjali ħafna; il-kanal ta’ dan ta’ dan il-proġett”, qal is-Sur Ellul.
Dan il-proġett huwa wieħed mill-akbar proġetti ta’ riġenerazzjoni urbana fil-pajjiż, maħsub biex itejjeb il-konnettività, joħloq spazji pubbliċi ġodda ta’ kwalità u jsaħħaħ l-aċċessibiltà għall-komunità kollha.
Il-Gvern u Infrastructure Malta jibqgħu impenjati li jwasslu dan il-proġett b’mod responsabbli u effiċjenti, sabiex il-komunità tal-Imsida u l-pubbliku inġenerali jkunu jistgħu jgawdu minn ambjent modern, aċċessibbli u sostenibbli mhux biss preżentament imma anke għall-futur.



