Xi persuni residenti fi Triq it-Tabib Robert Naudi fl-Imsida kellhom jiġu evakwati wara li krejn inqaleb waqt li kien qiegħed isir xi xogħol f’sit ta’ kostruzzjoni.
Fil-post issejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u uffiċjali mill-Enemalta biex jibdew minnufih b’operazzjoni delikata biex il-krejn jitwaqqaf għan-normal.
B’xorti tajba ħadd ma ndarab f’dan l-inċident, iżda l-Pulizija mit-taqsima tar-Rapid Intervention Unit evakwaw xi residenti bħala miżura ta’ prekawzzjoni sakemm issir il-ħidma neċessarja.
Ninsabu infurmati wkoll li kawża ta’ dan l-inċident numru ta’ residenti spiċċaw mingħajr provvista tal-elettriku.