Monday, December 23, 2024

ARA: Ċelebrazzjonijiet kbar għar-rebħa tal-Partit Laburista

Aqra wkoll

… jispikkaw dawk fiż-Żejtun u Raħal Ġdid

Hekk kif l-ewwel indikazzjonijiet qed juru li l-Partit Laburista rebaħ l-Elezzjoni Ġenerali ta’ din is-sena, diversi partitarji Laburisti fiż-Żejtun u anke Raħal Ġdid ħarġu jiċċelebraw permezz ta’ daqq ta’ ħornijiet u kant sinonimu ma’ dan iż-żmien. Kienu diversi l-kummenti li ġbarna mingħand in-nies li nġabru fil-pjazez ewlenin ta’ dawn l-irħula sa minn kmieni l-Ħadd filgħodu jistennew bil-ħerqa r-riżultat li tant xtaqu fejn fost l-oħrajn spikkat l-istess kelma; il-kontinwità li qabad il-pajjiż f’dawn l-aħħar snin bi Gvern Laburista kellha tkompli. Bosta oħrajn qalu li l-Gvern tul l-aħħar leġislatura ħaseb f’kulħadd mingħajr distinzjoni u dan il-fattur għen sabiex ikun hawn is-serenità minkejja li għaddejna miż-żmien iebes tal-pandemija. Mill-banda l-oħra, il-Partit Nazzjonalista qatt ma kien kredibbli fil-proposti tiegħu u dan wassal għat-tielet telfa konsekuttiva tiegħu.

Fost iż-żgħażagħ li tkellmu magħna, bosta minnhom semmew diversi proposti li se jkunu qed jiddaħħlu fis-seħħ fiż-żmien li ġej. Fosthom kien hemm dik li l-ġenituri ser jingħataw elf u ħames mitt ewro fi tliet snin għal kull wild li jkompli jistudja wara li jagħlaq is-sittax-il sena.

Din l-għotja tingħata wkoll lil dawk iż-żgħażagħ li jibqgħu jistudjaw u jgħixu għal rashom.

Skont l-istess żgħażagħ, dawn il-miżuri proposti se jgħinuhom fl-aspirazzjonijiet tagħhom għall-futur. Oħrajn irrimarkaw ukoll il-15% żieda fl-istipendji tagħhom u dan ifisser kwalita’ ta’ ħajja aħjar.

Nies oħra sostnew li l-gvern Laburista ħoloq setturi varji ta’ xogħol bl-ekonomija Maltija li dejjem kienet stabbli anke fi żmien ta’ pandemija fejn diversi ħaddiema għaddew minn sfidi kbar. Bla dubju li l-għotjiet li ta l-gvern f’dawn l-aħħar snin servew sabiex dawn l-istess ħaddiema jibqgħu fuq saqajhom. 

Fost l-anzjani li intervistajna, ħafna semmew l-esperjenzi ta’ meta l-Partit Laburista rebaħ elezzjonijiet oħra passati fejn jiftakru mexxejja importanti bħall-Perit Duminku Mintoff, Karmenu Mifsud Bonnici, Alfred Sant u riċentement Joseph Muscat. Huma saħqu kemm dan il-partit hu verament magħqud u kulħadd jiġbed ħabel wieħed. Anzjan minnhom qalilna li kemm ilu fil-gvern il-Partit Laburista, ra żieda fil-pensjoni tiegħu filwaqt li qed jgħix kwalità ta’ ħajja aħjar. Hu qal ukoll li matul il-leġislatura li jmiss, il-Partit Laburista fil-gvern se jżid il-pensjonijiet bi €15 fil-ġimgħa. Żieda li tikkuntrasta ma’ dak li ġara taħt amministrazzjonijiet Nazzjonalisti fejn il-pensjonijiet ġew iffriżati għal aktar minn 20 sena.

Sadanittant iċ-ċelebrazzjoni spontanja fiż-Żejtun kompliet mat-toroq kollha ewlenin fejn il-lewn aħmar u abjad spikka b’nies oħra jkantaw, jiċċelebraw u jxejru l-bnadar b’sens ta’ ottimiżmu u kburija.

Dan hekk kif proprju dalgħodu, għall-ħabta tal-11:10am, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li l-Partit Laburista kiseb il-maġġoranza ta’ voti mingħand il-poplu Malti u Għawdxi fl-elezzjoni li saret ilbieraħ.

Ekonomija

Sport