Friday, April 26, 2024

ARA: Ċippa fl-id minflok ċavetta għall-karozzi Tesla

Fanatiku jħallas €403 biex isirlu l-intervent ta’ impjant ġdid u permanenti

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Klijent fanatiku tal-prodotti Tesla, b’mod aktar speċifiku tal-karozzi lussużi b’teknoloġija ferm avvanzata Tesla, għażel li jagħmel ċippa f’idu li jista’ jużaha kull meta jrid flok ċavetta għall-vettura tradizzjonali. Huwa wasal biex ħallas ftit aktar minn €400 biex ikollu din il-faċilità fuq bażi permanenti. 

Is-sid ta’ karozza Tesla, Brandon Dalaly, qasam din l-aħbar fuq il-midja soċjali fejn tella’ vidjow li fih wera l-post fejn sarlu dan l-impjant – f’idu l-leminija. “Issa meta ċ-ċavetta bil-bluetooth ma taħdimx jew inkella ċ-ċavetta f’forma ta’ card ma tkunx fuqi, għandi din iċ-ċippa u nista’ nuża lilha. Kulma rrid nagħmel huwa li nuża idejja,” spjega l-klijent tal-karozzi Tesla.

Din l-innovazzjoni hija possibbli permezz taċ-ċippa tat-tip “Vivokey Apex” li tuża teknoloġija NFC, l-istess bħalma hija t-“tap to pay” li tagħti l-fakultà tal-Apple Pay fuq l-iPhones. Dalaly qal li huwa parti minn grupp speċjali “beta” magħmul minn madwar mitt persuna li qegħdin jipparteċipaw fl-ittestjar ta’ dawn iċ-ċipep qabel ma jiġu introdotti fis-suq.

Mhux waħda… iżda, diġà għamel tnejn!

Dalaly qal li l-kumpanija li għamlet dan kollu għandha “litteralment l-app store tagħha stess fejn b’dawn iċ-ċipep wieħed jista’ jniżżel apps u jinstallahom fih. Fil-fatt, waħda minn dawn l-apps hija dik taċ-ċavetta tal-karozzi Tesla. Allura din kienet l-ewwel app li installajt fijja minħabba li għandi karozza Tesla”.

Fil-vidjow Dalaly wera l-użu ta’ dan l-impjant fuq il-karozza tiegħu. Huwa ħakk idejh mal-vettura u din infetħet. Wara din id-dimostrazzjoni huwa niżżel nota fuq Twitter li l-filmat inġibed tliet ijiem biss wara li sarlu l-impjant u kien għalhekk li idu kienet għadha tidher minfuħa.

Dan ir-raġel qal li kollox jaħdem tajjeb u li l-istess ċippa ‘l quddiem tista’ tkun aġġornata biex tintuża ma’ karozzi oħrra Tesla li joħorġu ġodda. Is-sidien l-oħra tal-karozzi Tesla li forsi ma jixtiequx li jpoġġu impjant f’persunthom jistgħu dejjem jużaw l-app apposta fuq il-mowbajl tagħhom jew inkella l-keycard li tingħatalhom flok ċavetta klassika. 

Minn intervista li saritlu, Dalaly qal li huwa diġà għandu ċippa oħra f’idu x-xellugija li fiha informazzjoni varja fosthom tat-tilqim ta’ kontra l-Covid-19 li ħa u ċavetta elettronika li tiftaħ ir-residenza tiegħu. “L-idea oriġinali kienet li f’id ikolli ċ-ċavetta tad-dar u fuq l-oħra jkolli tal-karozza,” kompla Dalaly. 

Teoriji ta’ konspirazzjoni?

Huwa qal li l-intervent tal-impjant taċ-ċippa relattivament iżgħar fuq l-id ix-xellugija kien aktar faċli miċ-ċippa NFC fuq l-id il-leminija. Dan ir-raġel, li l-linja professjonali tiegħu għandha x’taqsam mat-teknoloġija, irribatta lill-kritiċi tiegħu li l-aktar li attakkawh kienu b’argumenti li, skont huwa, huma bbażati fuq teoriji ta’ konspirazzjoni. 

Fir-rigward huwa kiteb li, “ninsabu f’era ta’ teknoloġija ferm avvanzata u dan huwa prodott tajjeb ħafna. Kien hemm ħafna intoppi u n-nies ħasbu li Bill Gates kien se jpoġġi bil-moħbi ċippa fit-tilqim ta’ kontra l-Covid-19. Dan wassal biex ikun hemm ħafna teoriji ta’ konspirazzjoni. Meta għamilt l-ewwel ċippa kien hemm persuni reliġjużi li bagħtuli ħafna kummenti strambi dwar is-sinjal tax-xitan fuq Facebook”. 

Dalaly spjega li hemm xi kitba fil-Ktieb tar-Rivelazzjoni li titkellem u twissi dwar marka fuq l-id jew fuq il-moħħ li biha l-persuna li tagħmilha, tiddikjara alleanza ma’ Satana. Min-naħa tiegħu dan ir-raġel għalaq billi nsista li, “jien sempliċiment ma rridx ninkwieta li se nħalli ċ-ċwievet x’imkien warajja u mhux qiegħed nagħmel hekk biex nadura lil Satana”.

Sport