Wednesday, November 6, 2024

ARA: “Dejjem jippruvaw jimmanipulawk bil-kliem”- Narċissista – Kapitlu Tlettax ft. Maria Christina

Aqra wkoll

YouTube video

Matul dawn l-aħħar ftit xhur, lil grupp Kapitlu Tlettax rajnih jippubblika diversi kanzunetti b’dedika ta’ mħabba; emozzjonijiet mill-isbaħ li jinħassu bi sħiħ f’jum it-tieġ bejn żewġ maħbubin; jew ċelebrazzjoni ta’ ħajjet nies li ġew nieqsa, iżda proprju llum, fil-25 ta’ Ottubru, sejrin iniedu kanzunetta li teħodhom lura għall-oriġini tagħhom, makjetta moderna b’lirika li fiha x’tifhem, potenzjalment anke tniggeż!

Narċissista, fuq kliem u mużika ta’ Joseph Mario Calleja u Edward Magri, bi produzzjoni ta’ Cyprian Cassar, hija ispirata minn bosta konverżazzjonijiet li t-tnejn kellhom ma’ bosta nies, dwar kif illum kulħadd qiegħed jiffoka biss fuq il-bżonnijiet personali tiegħu, waqt li jinjora lil dawk ta’ madwarhom, anke jekk ‘qalu li jħobbuk’. Din it-tema tirrifletti realtajiet veri, u jidher li Joseph Kapitlu, kif inhu magħruf fost is-segwaċi tiegħu, għadda minn esperjenzi simili fil-ħajja personali tiegħu.

Grazzi għal din il-kanzunetta, Kapitlu Tlettax ikkollabora għall-ewwel darba ma’ Maria Christina, li matul dawn l-aħħar sentejn kienet waħda mill-parteċipanti tal-Malta Eurovision Song Contest, bil-kanzunetti Our Flame u Moving On. “Niftakar meta ċempilli Marc, il-maniġer tiegħi u qalli dwar din l-idea, kelli tbissima minn naħa s’oħra, ħerqana biex nara x’tip ta’ kanzunetta kont ser inkun qiegħda nagħti sehmi” qalet Maria filwaqt li kompliet tgħid “xħin smajt il-mużika u qrajt il-lirika, kont naf li ħa nieħdu gost flimkien.”.

Għal Kapitlu Tlettax, din hija r-raba’ kanzunetta oriġinali ta’ din is-sena, wara s-suċċess tat-tliet kanzunetti preċedenti: Lilek Biss, Rita, u Għidli Min, li kollha laħqu l-quċċata tal-Klassifika tal-Maltin fi żmien qasir minn meta ġew imnedija. Ir-rilaxx tagħha huwa akkumpanjat minn vidjo mużikali, produċut minn Memorabilia Films, li jista’ jiġi segwit fuq il-pjattaformi diġitali: Facebook u YouTube. Ħajr lil Ironic PR & Artist Management għas-sapport kontinwu fir-relazzjonijiet pubbliċi u l-promozzjoni.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport