Monday, December 23, 2024

ARA: Fondi ta’ assistenza għall-bdiewa li jridu jimplimentaw sistema ta’ Ġestjoni Integrata tal-Pesti (IPM) fl-intrapriżi agrikoli tagħhom

Aqra wkoll

Għal darb’oħra l-bdiewa lokali huma mistiedna li japplikaw u jibbenefikaw minn opportunitajiet ta’ fondi li huma disponibbli taħt il-Pjan Strateġiku tal-PAK għal Malta, li jkopri l-perjodu 2023-2027, permezz ta’ skemi li huma ta’ benefiċċju għall-klima u għall-ambjent, l-hekk imsejħa “Eko Skemi”.

Waħda minn dawn l-iskemi tikkonċerna l-Ġestjoni Integrata tal-Pesti (IPM), li tinvolvi prattiki effettivi u sensittivi għall-ambjent għall-ġestjoni ta’ pesti differenti. Il-bdiewa lokali jistgħu jirċievu assistenza biex jimplimentaw dawn il-prattiki permezz ta’ fondi mill-UE, u jistgħu jibbenefikaw minn rata ta’ appoġġ ta’ €224.80 għal kull tomna fis-sena.

Sabiex ikunu eliġibbli, il-bdiewa jrid ikollhom minimu ta’ 0.3 ettari (Ha) ta’ art agrikola eliġibbli, fejn kull biċċa art irid ikollha daqs minimu ta’ 0.04 Ha. Din l-art trid tkun inkluża taħt l-iskema, li għaliha l-benefiċjarji huma obbligati li jipprovdu Pjan ta’ Ġestjoni Integrata tal-Pesti (IPMP) maħruġ mill-AgriConnect, is-servizz rikonoxxut ta’ konsulenza tal-biedja.

L-aħħar data biex jintbagħtu talbiet għal assistenza finanzjarja taħt din l-iskema hija l-15 ta’ Diċembru 2023, u dan għandu jsir fl-Uffiċċju tal-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali (ARPA) li jinsab ġewwa l-Pitkalija, Ta’ Qali jew ix-Xewkija, Għawdex.

L-AgriConnect toffri assistenza u pariri tekniċi lill-bdiewan, fejn tgħinhom jidentifikaw u jindirizzaw xi problemi tekniċi li jistgħu jiltaqgħu magħhom fil-ħidmiet tagħhom.

Bidwi lokali li pparteċipa fil-programm tul dawn l-aħħar snin tkellem dwar il-benefiċċji tal-iskema, fejn spjega kif bis-saħħa ta’ metodi tal-IPM li huwa implimenta fuq l-art tiegħu, bħal mulching (kisi tal-pjanti) u l-importazzjoni ta’ żrieragħ approvati u kkontrollati, huwa rnexxielu jżid ir-rendiment mill-uċuh tar-raba’ tiegħu, filwaqt li naqqas l-użu ta’ pestiċidi.

Dan irriżulta fi prodotti aktar ġenwini u mingħajr pestiċidi, filwaqt li naqqas l-ispejjeż tal-produzzjoni għax xtara anqas pestiċidi. Is-sussidju tal-IPM għen ukoll biex iħaffef l-ispejjeż għall-implimentazzjoni tal-istrateġiji għall-ġestjoni tal-pesti.
Il-programmi IPM jużaw informazzjoni attwali u komprensivi dwar iċ-ċikli tal-ħajja tal-pesti u l-interazzjoni tagħhom mal-ambjent.

Din l-informazzjoni tintuża ma’ metodi disponibbli tal-kontroll tal-pesti sabiex titnaqqas il-ħsara li jikkawżaw il-pesti bl-aktar mezzi ekonomiċi, u bl-anqas dannu possibbli għas-saħħa tal-bnedmin, tal-annimali u tal-ambjent.

Il-prinċipji ġenerali tal-ġestjoni integrata tal-pesti għandhom l-għan li jipprevjenu u/jew possibbilment jeqirdu organiżmi ta’ ħsara b’għażliet differenti minn pestiċidi, u jippromwovu prattiċi bħal:


• In-newba tal-uċuh tar-raba (crop rotation);
• Użu ta’ tekniċi adegwati ta’ kultivazzjoni;
• Użu ta’ żrieragħ verifikati, reżistenti għall-pesti;
• Il-ġestjoni tad-dati taż-żriegħ, tat-tħawwil jew tal-ħsad;
• Il-ġestjoni tal-ilma/ irrigazzjoni;
• Il-ġestjoni tal-ħamrija u tan-nutrijenti (inkluż mulching, ma jsirx ħrit jew isir ħrit ta’ konservazzjoni, ġestjoni ta’ fertilizzanti) u prattiċi li jtejbu ż-żieda naturali ta’ predaturi eżistenti, fost l-oħrajn.

F’Ġunju tal-2022, il-Kummissjoni Ewropea adottat proposti għal Regolament ġdid dwar l-Użu Sostenibbli ta’ Prodotti għall-Protezzjoni tal-Pjanti, li jinkludi r-Regolament il-ġdid dwar l-użu Sostenibbli ta’ Pestiċidi (SUR), bl-għan li jittieħdu l-ewwel passi lejn politika għat-tnaqqis effettiv u koerenti ta’ pestiċidi madwar l-Unjoni Ewropea (UE).

Ir-Regolament jistabbilixxi miri biex jitnaqqas b’50% l-użu u r-riskju ta’ pestiċidi kimiċi madwar l-Ewropa sal-2030, skont l-istrateġiji ta’ traċċabilità “mill-Għalqa sal-Platt” (Farm to Fork) u ta’ Bijodiversità tal-UE.

L-Eko Skemi huma element essenzjali taħt il-pagamenti diretti matul il-perjodu tal-ipprogrammar 2023-2027. Dawn l-iskemi huma ppreżentati bħala impenji annwali jew pluriennali li jinvolvu varjetà wiesgħa ta’ prattiki agrikoli li għandhom jiġu implimentati mill-bdiewa permezz ta’ inċentivi li joffru aċċess għal appoġġ finanzjarju favorevoli, li huwa essenzjali għas-sostenibilità tas-settur tal-biedja lokali.

Dawn l-iskemi għandhom rwol importanti għall-ilħiq ta’ miri ambjentali, tal-klima u l-ħarsien tal-annimali li jikkontribwixxu għall-kisba tal-miri stabbiliti taħt il-politiki tal-UE, mill-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Istrateġiji mill-Għalqa sal-Platt u ta’ Bijodiversità.

Għal aktar informazzjoni dwar dawn l-iskemi, wieħed jista’ jikkuntattja lill- ARPA permezz tat-telefon fuq 22 926 148 jew jibgħat email fuq [email protected]. Tista’ ssir referenza ukoll għal-linji gwida simplifikati għall-IPM li jinstabu fuq is-sit ta’ AgriConnect www.agriconnect.gov.mt.

Ekonomija

Sport