Sunday, May 5, 2024

ARA: “Għadni nismagħhom sal-lum lin-nisa jwerżqu u jibku fix-xelters għat-trabi tagħhom”

Dolores Agius tirrakkonta l-esperjenza tagħha fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Illum infakkru t-80 anniversarju tad-dħul tal-Konvoj ta’ Santa Marija, ġrajja li teħodna lura fl-1942 fl-għeqlel tat-Tieni Gwerra Dinija. Pajjiżna, li huwa f’pożizzjoni strateġika fil-Mediterran, kien il-mira ta’ attakki kontra attakki mill-qawwiet Nażisti u Taljani b’konsegwenza li apparti t-tifrik, il-biżgħa u s-sofferenzi li l-poplu Malti ffaċċja, kien hemm theddida serja minħabba nuqqas ta’ provvisti essenzjali b’mod partikolari ta’ fjuwil u ikel. Wara ħafna attentati falluti minn vapuri oħra, il-Konvoj ta’ Santa Marija kien irnexxielu jidħol fil-port tagħna u minn dan il-jum glorjuż għad għandna fostna ftit anzjani li, meta kien għadhom tfal, għexu personalment din l-esperjenza storika.

Talk.mt iltaqgħet ma’ tnejn minnhom – Dolores Agius u Bernardette Bonnici, li llum il-ġurnata għandhom l-għomor sabiħ ta’ 88 u kważi 86 sena rispettivament. Dan iż-żewġ anzjani jiftakru li sofrew il-ġuħ. Jiftakru sew li ma kienx hawn biżżejjed ikel biex jitrejqu. Jiftakru lil ommijiethom jibku u jiftakru wkoll “qisu lbieraħ” id-dħul tal-Konvoj ta’ Santa Marija meta l-Maltin, kemm jekk semgħu fuq ir-radju jew bil-fomm, kif ukoll jekk raw b’għajnejhom stess, ħarġu għal ċelebrazzjonijiet kbar fit-toroq, jgħajtu u jibku bil-ferħ ixejru mkatar bojod għall-wasla tat-tant mistennija tal-fjuwil u l-ikel.

YouTube video

Iżda, barra l-ġuħ u l-iskarsezza li ġabet fuq artna u ġensna t-Tieni Gwerra Dinjija, dawn l-anzjani jiftakru b’dieqa kbira l-mewt li raw quddiem wiċċhom. Mewt ta’ Maltin minn idejn l-għadu. Dawn it-trawmi baqgħu stampati f’moħħhom b’Dolores bid-dmugħ f’għajnejha tgħidilna li għalkemm talbuha diversi drabi biex tinsa, hija qatt ma tista’ tneħħi minn quddiem għajnejha “dawk it-tewmin tat-twelid mejtin ġo kaxxa ħdejn xulxin qishom pupi”. Mentri għal Bernardette, kien dak “il-povru” raġel u ż-żiemel tiegħu li spiċċaw minxura mal-art bla ħajja ħdejn xulxin wara li splodiet bomba ħdejhom. 

Dolores Agius kellha tmien snin meta daħal il-Konvoj ta’ Santa Marija fil-port tagħna u 12-il sena meta spiċċat it-Tieni Gwerra Dinjija. “Batejna ħafna għax ta’ dik l-età ma tkunx tifhem għala m’hemmx ikel x’tiekol. Tħossha meta titlob kisra ħobż u ma jkunx hemm u tisma’ lit-tfal jibku bil-ġuħ. Kienu jgħidulna li trid tistenna r-ruxin li jmiss. Niftakar li meta daħal il-Konvoj ta’ Santa Marija konna fejn l-għassa u qalu fuq ir-redifjuxin. Malli ħarġet din l-aħbar, kien hemm ferħ u għajjat kbir”. 

Hekk bdiet ir-rakkont tagħha din l-eks għalliema tal-Letteratura Ingliża li kienet tgħix f’San Pawl il-Baħar. Il-lokalità li kienet tgħix fiha fiż-żmien it-Tieni Gwerra Dinjija dak iż-żmien kienet pjuttost maqtugħa għaliha minħabba d-distanza u l-fatt li dak iż-żmien bil-kemm kien hawn karozzi. Dolores, li bħalissa tgħix fid-dar tal-anzjani tal-Care Malta, “Casa Maria” f’Tas-Sliema, ikkonfermat li l-poplu Malti kien imbeżża’ li se jmut bil-ġuħ u qalet li t-tbatija li kellhom jgħaddu minnha kienet verament kbira.

“Trawma li għadni nħoss sal-lum…” 

Għalkemm huma bħala familja ma batewx daqs ħaddieħor, din l-anzjana fuq tagħha spjegat li, “kelli żewġt aħwa bniet u biex nieklu u nixbgħu ommi kienet tagħmel il-ħaxix. Lanqas dqiq ma kien ikollna. Lil ommi niftakarha tagħmel l-għaġin u tonxru. Kienet ukoll tagħmel toqlija bis-smid. Il-ħwienet tal-merċa kienu kollha vojta. Litteralment ma kien hawn xejn, lanqas  ħwejjeġ ma kellna u l-iskejjel kienu magħluqa. Minflok għamilna żmien twil ngħixu fix-xelters u hawnhekk kulħadd kien joqgħod jitlob. Din kienet trawma għalija li għadni nħoss sal-ġurnata tal-lum”. 

Hija semmiet kif fi żmien il-gwerra, San Pawl il-Baħar kien jitriegħed bil-bombi u bl-isparar tal-għadu u biex jistkennu kienu jmorru fix-xelter li kien ħdejn id-dar tagħha. Dan ix-xelter Dolores tiftakru li kien wieħed twil u jispiċċa ħdejn il-baħar. 

Din l-anzjana liebsa pulit ħafna u bi tbissima fuq wiċċha qaltilna li mal-wasla tal-Konvoj ta’ Santa Marija kulħadd ħa r-ruħ għax kienu jafu li waslu l-provvisti tant meħtieġa. “Kont naf li ġej il-pitrolju għal-lampi u d-dqiq għall-ħobż. Saret quddiesa kbira u anke tedew. Kulħadd kien qiegħed jibki bil-ferħ u meta tkun żgħira, meta tara lill-kbar jibku, tibda tibki magħhom. Niftakar li għidt lili nnifsi li ġej iz-zokkor u li issa ommi tista’ tagħmel it-tè. Iz-zokkor tant kien skars li niftakarha taħbih fil-gwardarobba,” kompliet Dolores.

Hija qalet li dik hija l-gwerra – tbatija li tibqa’ tiftakarha tul ħajtek kollha. Hawnhekk wiċċha inbidel f’espressjoni mħassba u ta’ dieqa fejn b’kuraġġ qaltilna li għaliha l-agħar trawma kienet dik tal-imwiet ta’ trabi. Din l-anzjana spjegat kif fi żmien il-bombardamenti n-nisa kienu jwelldu fix-xelters u hawn, sfortunatament, kien hemm każijiet mhux ħażin ta’ still borns – meta tarbija titwieled mejta. 

Bid-dmugħ f’għajnejha hija stqarret li, “għadni nismagħhom sal-lum dawk in-nisa jwerżqu u jibku fix-xelters għat-trabi tagħhom. Nisa u r-rġiel jibku għat-trabi li twildulhom mejta. Għadni nara quddiem wiċċi dawk it-tewmin ġo kaxxa qishom pupi. Dik hija xi ħaġa stampata f’moħħi li impossibbli tinsieha”.

Dolores spjegat li fi żmien din il-gwerra ma kienx hemm twiebet tant li kienu jużaw il-kaxxi tat-triplaj li fihom kien jiġi t-tè. Dak iż-żmien kien hemm min iqatta’ dawn il-kaxxi u jirranġahom ħalli jintużaw bħala twiebet. Fil-fatt, wieħed minn dawn kien proprju z-ziju tar-rispett tagħha. 

Mistoqsija x’inhuwa l-messaġġ jew il-ħsieb tagħha, din l-anzjana qalet li l-ġenerazzjonijiet tal-lum huma mfissdin għax kemm “jagħfsu switch u jsibu kollox. Ma jafux x’inhija tbatija… Sinjuruni u ma jafux”.

Sport