Monday, December 23, 2024

ARA: Iċ-ċkejknin jistgħu jkunu l-eroj ambjentali biex kull kontenitur jiġi riċiklat

Studenti ċkejknin iżuru l-faċilità tal-BCRS f’Ħal Far

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“It-tfal jistgħu jgħinu fit-tnaqqis tal-iskart ta’ kontenituri single use billi kull wieħed u waħda minnhom jagħmlu bidliet żgħar li fuq kwantita kbira ta’ nies ikollhom impatt ambjentali kbir”. Iddikjara dan ma’ Talk.mt il-Kap Eżekuttiv ta’ BRCS Malta Ltd, l-Inġ. Edward Chetcuti meta mistoqsi rigward il-kontribut tat-tfal minn età żgħira ħafna waqt żjara minn studenti mill-iskola Mater Boni Consilli f’Raħal Ġdid.

Qalb studenti ċkejknin mimlija bl-eċitament biex jitgħallmu x’jistgħu jagħmlu bil-kontenituri, Chetcuti qalilna li t-tibdil fil-klima hija l-ikbar theddida għad-dinja li t-tfal tal-lum qed jaffaċċjaw. “Nemmnu li jekk nuruhom sa minn età żgħira, l-importanza li jieħdu ħsieb l-ambjent, hemm ċans tajjeb li jibdew jagħtu eżempju f’darhom stess u eventwalment la jikbru għal soċjetà aħjar”, kompla biex jispjega Chetcuti.

L-istudenti akkumpanjati mill-għalliema tagħhom żaru l-faċilità ta’ BCRS f’Ħal Far fejn mhux biss kellhom l-opportunità li jirriċiklaw żewġt ifliexken li ġabu magħhom u jingħataw il-vawċer tagħhom, iżda ngħataw informazzjoni dwar kif dawn il-kontenituri għandhom jiġu riċiklati b’mod sostenibbli. Fost affarijiet oħra, l-għalliema ħadmu preżentazzjoni ta’ liema huma l-kontenituri li jistgħu jitpoġġew fil-magni u liema huma dawk il-kontenituri li mhumiex riċiklabbli.

Wara li ddepożitaw il-fliexken li ġabu magħhom, l-istudenti kellhom l-opportunità li jaraw dak li jkun għaddej fil-faċilità minn meta t-trakkijiet jidħlu fil-faċilità bil-kontenituri mgħaffġin, fejn jibda proċess sħiħ ta’ separazzjoni li jiggarantixxi prodott kemm jista’ jkun riċiklabbli u nadif, turija ta’ kwalità kemm jista’ jkun għolja.

Mistoqsi dwar l-isforz edukattiv mat-tfal, Chetcuti qal li l-introduzzjoni ta’ din il-faċilità wassal għal qabża kbira fl-ammont ta’ skart li jiġi riċiklat fejn minn 20 fil-mija, pajjiżna qed jirriċikla 70 fil-mija tal-kontenituri tax-xorb biex f’inqas minn sitt xhur inġabru aktar minn 70 miljun kontenitur vojt.

Żied jgħidilna li l-mira huwa li jinġabar kull kontenitur single-use tal-plastik, metall u ħġieġ li jitqiegħed fis-suq u t-tfal jistgħu jkunu l-eroj ambjentali biex tintlaħaq din il-mira.

“It-tniġġis tal-ambjent hija waħda mill-aktar kwistjonijiet urġenti, għalhekk għalina l-akbar vot ta’ fiduċja huwa meta tisma’ lin-nies jgħidu kif l-iskart mormi, li normalment kien jispiċċa mormi bl-addoċċ, anke fil-baħar, ra tnaqqis drastiku bl-introduzzjoni ta’ din l-iskema. Mhux biss, dawn l-istudenti ċkejknin huma konxji li qegħdin nagħmlu differenza u li bl-istess sistema qed intejbu l-kwalità tal-ħajja tagħna u nibżgħu għall-ambjent li jridu jsibu ta’ warajna”, temm jgħid Chetcuti.

Ekonomija

Sport