Friday, April 19, 2024

Il-ħidma tal-GWU ssarraf f’kundizzjonijiet aħjar għall-care workers fit-teatru ta’ Mater Dei

Aqra wkoll

Wara li l-General Workers’ Union kellha ssejjaħ tilwima industrijali, ittieħdu l-miżuri neċessarji mill-management ta’ Support Services Ltd/Healthmark biex jindirizzaw is-sitwazzjoni u għaldaqstant il-GWU irtirata kif is-sitwazzjoni ġiet riżolta.

It-tilwima ġiet dikjarata għall-ħaddiema care workers tal-privat, membri tal-GWU li jaħdmu fit-teatru tal-Isptar Mater Dei, biex jitranġalhom ir-roster tagħhom. Roster li wara l-ħidma meħtieġa mit-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi ġiet irranġata.

Dan ġara hekk kif filwaqt li dawn il-ħaddiema kienu jsegwu l-Ftehim Kollettiv u l-vacation leave policy tal-kumpanija tagħhom, xorta waħda kienu qed jirċievu risposta dwar l-approvazzjoni jew le għat-talba tagħhom fil-ġurnata li huma jkunu talbu li jkunu vacation leave. Dawn kienu qed jiġu mitluba sabiex iċemplu fis-sitta ta’ filgħodu biex jiġu mgħarrfa jekk ġietx approvata jew le. 
 
Sitwazzjoni li ma kinitx aċċettabbli għal-GWU hekk kif il-ħaddiema għandhom dritt li japplikaw għall-vacation leave u jagħmlu l-pjanijiet tagħhom fil-ġurnata tal-leave. Il-Union tifhem li l-approvazzjoni hija għad-diskrezzjoni tal-management iżda ma taqbilx li l-kumpanija tinforma bl-approvazzjoni (jew le) fis-sitta ta’ filgħodu ta’ dik il-ġurnata stess li ġiet mitluba bħala vacation leave.

Wara diversi diskussjonijiet mal-Management ikkonċernat, il-GWU innutat li s-sitwazzjoni baqgħet tippersisti. Għaldaqstant il-GWU iddikjarat tilwima industrijali biex tipproteġi lill-membri tagħha.

Sport