Wednesday, April 24, 2024

REGULATORJA

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

L-ideoloġija liberali madwar is-suq ħieles spiċċat tiddomina l-mod kif titmexxa l-ekonomija. Sadattant, kibret ukoll l-idea li biex is-suq tassew jagħti riżultati korretti skont il-prinċipji tal-kompetizzjoni, irid ikun hemm awtorità jew awtoritajiet li jiżguraw li l-prinċipji mhumiex jiġu abbużati.

Il-funzjoni regolatorja saret parti integrali mill-governanza moderna. Dwar kemm għandha tkun qawwija l-kontroversji ma naqsux. Partiti tal-lemin ġeneralment jisħqu biex iħaffuha, għax jarawha toħloq wisq burokrazija. Partiti tax-xellug jinsistu għal aktar regoli li jiżguraw il-protezzjoni ta’ konsumaturi u ħaddiema.

Tqum ukoll il-kritika li aġenziji regolatorji jagħmlu ħidma u jieħdu deċiżjonijiet li aktar jappartjenu lill-qrati mingħajr ma jmexxu salvagwardji li jiggarantixxu l-ġustizzja, kif jipprovdu l-qrati.

F’Malta, ir-regolazzjoni daħlet ukoll. Kemm ilna membri tal-Unjoni Ewropea, segwiet mudelli mfassla f’Brussell. Fostna l-ħidma regolatorja għadha mhijiex soda u effettiva biżżejjed. Kif naraha jien, ir-raġuni mhijiex biss li ċ-ċokon tas-soċjetà jfixkel il-binja ta’ operat trasparenti u ħieles minn kull indħil.

SUQ SOĊJALI

Fix-xenarju politiku ekonomiku kif evolva matul is-snin, talanqas fl-Ewropa, mal-firxa tat-twemmin fis-suq ħieles, żviluppat ukoll l-idea ta’ “suq soċjali”. Kienet fehma li telqet minn fost il-partiti demokristjani anzjużi biex iżommu koerenza bejn il-qbil tagħhom mal-kapitaliżmu u l-fehmiet kattoliċi dwar ġustizzja soċjali. F’sistema kapitalista, il-bejgħ u x-xiri li jsir fis-swieq ma kellux biss jirrifletti l-valur ekonomiku ta’ x’qed jinbiegħ u jinxtara, imma wkoll il-valur “soċjali”.

Bir-rankatura li kiseb, il-liberaliżmu malajr ħalla warajh lis-“suq soċjali”.

Sadattant, is-soċjalisti Ewropej li kienu bdew jaċċettaw is-suq ħieles fl-ekonomija saru anqas ċiniċi dwar is-siwi tas-“suq soċjali”. F’ċerti każi anke bdew jużaw il-kunċett biex joħolqu koalizzjoni mal-forzi politiċi tal-lemin madwar riformi soċjali moderati. Kien b’hekk ukoll li nħoloq ċentru politiku fl-Ewropa li minnu mbagħad twieldu numru ta’ koalizzjonijiet ta’ gvern.

LAQGĦAT POLITIĊI

Hu minnu li l-attendenza għal-laqgħat politiċi majnat. Barra milli b’mod ġenerali forsi l-interess fihom naqas, hemm min jgħid li dan beda jiġri sa minn meta bdew jiġu mxandra. Għalfejn għandek toqgħod tivvjaġġa lil hemm u lil hawn biex tkun preżenti, meta jekk int interessat tista’ tisma’ u tara xi jkun għaddej direttament mid-dar?

Hemm sens f’dan l-argument. Biss il-fatt li ġrajjiet politiċi jixxandru qed ikollu effett ieħor li ma tantx jiġi nnotat.

Il-laqgħat politiċi kellhom jibdew jittellgħu qishom kienu programm tat-televixin, b’attenzjoni stretta għal ħin ħalli l-iskedi televiżivi ma jitħarbtux; b’interventi rranġati minn qabel; u b’reġimentazzjoni tal-“udjenza” li bħal f’xow televiżiv jintqalilha anke meta jmissha ċċapċap.

Ir-riżultat: nuqqas ta’ spontanjetà, b’kull ħaġa li tiġri prevedibbli u monotona.

Sport