Thursday, November 19, 2026
Home Sport L-Akkademja Olimpika Maltija tospita l-Kungress u l-Assemblea Ġenerali tal-Akkademji Olimpiċi Ewropej

L-Akkademja Olimpika Maltija tospita l-Kungress u l-Assemblea Ġenerali tal-Akkademji Olimpiċi Ewropej

0
34

L-Akkademja Olimpika Maltija, li tifforma parti mill-Kumitat Olimpiku Malti, ospitat it-tmien Kungress tal-Akkademji Olimpiċi Ewropej (EOA) f’Malta bejn il-15 u t-18 ta’ Novembru, li ntemm illum bid-disa’ Assemblea Ġenerali tal-EOA.

Il-Kungress, li sar taħt it-tema “Riflessjonijiet, Skambji u Perspettivi għall-Futur: Niltaqgħu Flimkien l-Akkademji Olimpiċi Nazzjonali tal-Ewropa”, immarka t-tmien snin mit-twaqqif tal-Akkademji Olimpiċi Ewropej u laqa’ delegati mill-Akkademji Olimpiċi Nazzjonali (NOAs) ta’ 36 pajjiż Ewropew. Dan l-avveniment offra opportunità biex jissaħħu r-rabtiet bejn l-akkademji u jiġu kondiviżi prattiki tajbin fost il-membri.

Il-Kungress infetaħ uffiċjalment nhar il-Ħadd b’diskorsi minn Julian Pace Bonello, President tal-Kumitat Olimpiku Malti; Jose Manuel Araujo, President tal-Kummissjoni għall-Kultura u l-Edukazzjoni tal-Kumitati Olimpiċi Ewropej (EOC); il-Prof. Dr Charilaos Tsolakis, President tal-Akkademja Olimpika Internazzjonali; u l-Prof. Dr Manfred Laemmer, President tal-EOA.

L-ewwel jum tas-sessjonijiet iffoka fuq il-ħidma tal-Akkademji Olimpiċi Nazzjonali fl-Ewropa. Wara preżentazzjoni ewlenija minn Soenke Schadwinkel, li evalwa l-ħidma tal-akkademji wara żewġ mandati tal-EOA, akkademji mill-Greċja, l-Ukrajna, in-Netherlands, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija, l-Awstrija, is-Serbja u Malta ppreżentaw il-proġetti u l-kisbiet tagħhom.

Charles Camenzuli għamel preżentazzjoni f’isem l-Akkademja Olimpika Maltija, li ħarset lil hinn mill-ewwel parteċipazzjoni ta’ Malta fil-Logħob Olimpiku.

Is-sessjonijiet ta’ wara nofsinhar iffokaw fuq ir-rwol tal-atleti fil-Moviment Olimpiku, b’interventi ewlenin minn Jose Manuel Araujo tal-EOC u Leo Koepp, membru tal-bord tal-assoċjazzjoni Ġermaniża tal-atleti Athleten Deutschland.

Sussegwentement, saru workshops paralleli li esploraw l-użu tal-intelliġenza artifiċjali fil-ħidma ta’ kuljum tal-Akkademji Olimpiċi Nazzjonali, il-parteċipazzjoni tal-atleti fit-tmexxija tal-isport, kif ukoll ir-rabtiet bejn il-ktieb Olympia, miktub minn Theodorus Antonides fl-1732, u l-Olimpiżmu modern.

Dakinhar filgħaxija, id-delegati nġabru fl-Imdina għal ikla ta’ gala, li matulha David Azzopardi, President tal-Akkademja Olimpika Maltija, għamel id-diskors ewlieni. Matul is-serata saru wkoll il-premjazzjonijiet tal-EOA Flame Awards u l-iffirmar ta’ Memorandum ta’ Ftehim mal-Assoċjazzjoni Afrikana tal-Akkademji Olimpiċi (AANOA).

Nhar it-Tlieta, il-Kungress iffoka fuq diskussjonijiet kontemporanji relatati mal-Olimpiżmu. Maria Bogner, Kap taċ-Ċentru għall-Istudji Olimpiċi tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (IOC), tkellmet dwar l-edukazzjoni u l-istudji Olimpiċi; Raymon Blondel, President tal-Kumitat Paralimpiku Ewropew, indirizza r-relazzjoni bejn il-Movimenti Olimpiċi u Paralimpiku; Carlotta Giussani, Direttur tal-Uffiċċju tal-EOC għall-Unjoni Ewropea fi Brussell, tkellmet dwar il-proġetti Erasmus+; filwaqt li Dr Lara Tonna ppreżentat il-perspettivi tal-istudenti universitarji dwar l-Olimpiżmu u l-edukazzjoni Olimpika.

L-Akkademja Olimpika Nazzjonali ta’ Iżrael ippreżentat ukoll il-ħidma tagħha fil-qasam tal-edukazzjoni u l-impatt soċjali permezz tal-Olimpiżmu.

Wara dawn il-preżentazzjonijiet, saru workshops dwar l-edukazzjoni Olimpika, ir-rakkont tal-istejjer u l-wirt Olimpiku, li ħadu wkoll spunt mill-opportunitajiet offruti mill-programm Erasmus+. Aktar tard, id-delegati żaru l-Belt Valletta għal żjara gwidata tal-belt u tal-port.

Matul l-Assemblea Ġenerali, ġie elett Bord Eżekuttiv ġdid magħmul minn seba’ membri għal mandat ta’ erba’ snin. Il-Bord huwa kompost minn President, żewġ Viċi Presidenti, Segretarju Ġenerali, Teżorier u żewġ membri oħra.

Alexandr Kliment, mill-Akkademja Olimpika Ċeka, ġie elett President wara tliet rawnds ta’ votazzjoni. Huwa se jieħu post il-Prof. Manfred Laemmer tal-Akkademja Olimpika Ġermaniża, li kien il-President fundatur tal-EOA u li serva għal żewġ mandati, iżda ma kkontestax għall-elezzjoni mill-ġdid.

Fl-ewwel kummenti tiegħu wara l-elezzjoni, Kliment saħaq li kull akkademja hija ugwali u għandha l-istess importanza. Huwa spjega li l-għan tiegħu huwa li jgħaqqad l-esperjenzi tal-membri, jiżviluppa proġetti konġunti u jilqa’ pajjiżi ġodda fi ħdan l-EOA.

Edmund Mifsud, membru tal-Kummissjoni tal-Akkademja Olimpika Maltija, ġie elett fil-Bord Eżekuttiv bħala wieħed miż-żewġ Viċi Presidenti, flimkien ma’ Eda Caushi tal-Akkademja Olimpika Albaniża.

Il-Bord Eżekuttiv il-ġdid huwa magħmul ukoll minn Lilla Szijj (Akkademja Olimpika Ungeriża) bħala Segretarju Ġenerali, Sakina Valiyeva (Akkademja Olimpika Nazzjonali tal-Ażerbajġan) bħala Teżoriera, u Evghenii Draganov (Akkademja Olimpika Moldovana) u Dimosthenis Tampakos (Akkademja Olimpika Ellenika) bħala membri.

David Azzopardi, President tal-Akkademja Olimpika Maltija, qal:

“Kien privileġġ għal Malta li tilqa’ kollegi minn akkademji madwar l-Ewropa. Il-Kungress kien wieħed produttiv, b’diskussjonijiet siewja matul il-workshops u bosta opportunitajiet biex id-delegati jaqsmu l-ideat tagħhom u jibnu rabtiet li se jkunu ta’ benefiċċju għall-edukazzjoni Olimpika fil-pajjiżi kollha tagħna.

“Nixtieq ukoll nifraħ lil Edmund Mifsud għall-elezzjoni tiegħu bħala Viċi President. Dan huwa rikonoxximent mistħoqq, kemm għall-impenn personali tiegħu kif ukoll għall-ħidma tal-Akkademja Olimpika Maltija.”

L-Akkademja Olimpika Maltija tirringrazzja lil Visit Malta u Sport Malta għall-appoġġ tagħhom fl-organizzazzjoni tal-Kungress u l-Assemblea Ġenerali.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here