Thursday, December 19, 2024

ARA: Id-duo Bloodline joħorġu l-ewwel single oriġinali tagħhom 

Aqra wkoll

MINUTE TO MIDNIGHT (MTM) 

Id-duo mużikali Bloodline, li kienu bbrillaw u rebħu l-ammirazzjoni ta’ bosta Maltin u Għawdxin waqt it-tieni staġun tal-X Factor fejn telgħu sal-ħames post, ħarġu l-ewwel kanzunetta oriġinali tagħhom Minute to Midnight (MTM), kanzunetta li permezz tagħha qed ikomplu jistabilixxu l-istil uniku tagħhom, kif ukoll jevolvu u jiskopru l-potenzjal tad-duo dinamiku. 

Bis-sinkronizzazzjoni unika tagħhom, Bloodline jirnexxielhom jinsġu perfettament id-dark-pop mal-melodija tant unika li Samira (19) u Julia (20) biss jirnexxielhom iwasslu b’sentiment tant pjaċevoli, iżda li fl-istess ħin iżommok kurjuż għan-nota li jmiss… u ta’ wara… u ta’ wara… hekk kif tixhed il-kanzunetta Minute to Midnight (MTM), bi kliem li kitbu d-duo stess flimkien ma’ Lex (Alexei Debono), li kiteb ukoll il-mużika. 

YouTube video

Din il-kanzunetta hija biss l-ewwel frott ta’ wara l-pandemija, li ġiegħlet liż-żewġ tfajliet inseparabbli, iqattgħu tlett xhur ‘l bogħod minn xulxin.  Żmien li serva sabiex matulu jisfruttaw l-ispirazzjoni u l-grinta biex jaħdmu fuq materjal ġdid. 

Minute to Midnight (MTM) hija dwar il-vjaġġ personali u l-ġlieda għall-imħabba intima, l-imħabba primarja u neċessarja li persuna trid ikollha lejha nfisha. L-aħjar mod li ħassu li jistgħu iwasslu dan il-messaġġ ta’ mħabba partikolari huwa propju b’dan il-ġeneru pjuttost itqal minn kif nafuhom s’issa, stil li jnissel kurżita ġdida għal x’hemm lest għal futur ta’ Bloodline. Dan l-istil ‘tqil’ jiddomina wkoll fil-vidjografija.  

Julia u Samira, jixtiequ jirringrazzjaw lil Lex (Alexei Debono), Howard Keith Debono, Steve Levi, Deandra Bugeja għal makeup u Christian Scerri flimkien mat-tim kollu tiegħu ta’ Southville.  Persuni li grazzi għal fiduċja, gwida u kollaborazzjoni wasslu Bloodline fejn hu llum, b’iktar impenn u pjanijiet għax-xhur li ġejjin.  

Ekonomija

Sport