Friday, December 13, 2024

ARA: Il-BirdLife tallega dwar “massakru” ta’ Bagħdan Ħomor protetti

Aqra wkoll

Voluntieri u membri tal-BirdLife Malta allegatament qalu illi lbieraħ bil-lejl kienu xhieda ta’ “massakru orribbli”, hekk kif qatgħa tajr tal-priża protett — l-iżjed Bagħdan Ħomor —  spiċċa maqtul f’Dellimara, fil-limiti ta’ Marsaxlokk. Membri tal-pulizija mit-tim tar-Rapid Intervention Unit issejħu fuq il-post imma ma rnexxilhomx jaqbdu lis-suspettati.

It-tim tal-BirdLife Malta għadda l-lejl f’Dellimara u fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu sabu erba’ Bagħdan Ħomor midruba u Bagħdan ieħor mejjet fil-post li fih allegatament twettaq il-massakru. Il-pulizija reġgħu ġew ikkuntattjati sabiex jgħinu fit-tfittxija u biex jgħaddu l-għasafar midruba lill-veterinarji tal-gvern mill-iktar fis possibbli. 

YouTube video

Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana, f’reazzjoni għal dan qal li t-tort huwa “Tat-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (WBRU) li falliet bil-kbir fil-kontroll tal-listi li ddikjaraw il-kaċċaturi. Dawn il-listi ma baqgħux jiġu ċċekkjati u dan ippermetta li l- kaċċaturi llum jistgħu jkomplu joqtlu tajr protett”.

BirdLife Malta tappella sabiex il-Prim Ministru jagħmel ċert li l-iċċekkjar tal-listi ta’ speċi protetti fil-kollezzjonijiet tal-kaċċaturi jibda minnufih u li dan il-proċess jitħalla f’idejn l-esperti tal-għasafar fi ħdan l-Awtorità tal-Ambjent u r- Riżorsi (ERA). B’żieda ma’ dan BirdLife Malta nsistiet li l-infurzar tar-reati kriminali marbuta man-natura għandu jibda jittieħed iktar bis-serjetà.

F’kumment li ta l-Kap tal-Konservazzjoni ta’ BirdLife Malta, Nicholas Barbara, iddikjara li “Aħna se nibqgħu preżenti kemm jista’ jkun fil-kampanja biex ngħinu fil-ħarsien tal-għasafar tal-passa” u qal li se jintbagħat rapport dettaljat lill-Kummissjoni Ewropea li se jkun qed ibbażat fuq dan l-inċident partikolari flimkien ma’ oħrajn li seħħew fil-passat.

Ekonomija

Sport