Thursday, December 19, 2024

ARA: Il-GWU bi ftehim kollettiv għall-ħaddiema ta’ Heritage Malta

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-General Workers’ Union (GWU) iffirmat ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema ta’ Heritage Malta li jkopri l-perjodu 2020-2025. Minbarra t-titjib fis-salarji u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, dan il-ftehim jinkludi wkoll aktar miżuri favur il-familja filwaqt li jħares biex joħloq opportunitajiet ta’ progress fil-karrieri tal-ħaddiema.  

Il-ftehim f’isem il-GWU kien iffirmat mis-Segretarju tat-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi Kendrick Bondin, l-Assistent Segretarju tal-istess Taqsima George Zahra u s-shop steward James Licari u assistent shop steward Maria Cremona. F’isem Heritage Malta ffirmaw il-Kap Eżekuttiv Noel Zammit u l-Manager – HR u Servizzi tal-Viżitaturi Rachel Caruana.  

Preżenti għall-iffirmar kien hemm ukoll il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja u d-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri. 

F’kummenti ma’ dan il-ġurnal, is-Segretarju tat-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi Kendrick Bondin iddeskriva dan il-ftehim bħala wieħed importanti ħafna li jibni fuq ftehimiet oħra preċedenti. “Rajna li jkun hemm tibdiliet biex nirriflettu aħjar ir-realtà tal-lum fosthom b’nomenklaturi li tassew jirriflettu x-xogħol li jagħmlu dawn il-ħaddiema kif ukoll ikun hemm sistema li wieħed japplika biex ikun hemm iktar progress fil-karrieri tal-ħaddiema,” spjega s-Segretarju Bondin. 

YouTube video

“Heritage Malta qiegħda wkoll taħdem fuq proġetti ġodda u għal dan il-għan il-ftehim jaħseb għal kumpens għall-ħaddiema li jkunu inkarigati minn tali proġetti. Rajna wkoll li jkun hemm taħriġ kontinwu għal dawn il-ħaddiema minħabba li llum il-ġurnata fir-restawr u l-konservazzjoni ta’ dan ix-xogħol li jiltaqgħu magħhom dejjem hemm żvilupp fihom.” 

Is-Segretarju Bondin semma wkoll li “rajna li d-dixxiplina tkun aktar oġġettiva sabiex il-ħaddiema jkollhom opportunitajiet li jkun hemm investigazzjoni tajba u bord ta’ dixxiplina ekwu. Apparti hekk, se jkun hemm iżjed miżuri favur il-ħajja (family friendly). 

“Rajna li jkun hemm bilanċ aħjar bejn ir-responsabbiltajiet tal-ħaddiema kif ukoll id-drittijiet tagħhom. Għalhekk nemmen li dan huwa ftehim kollettiv fejn Heritage Malta se tirrifletti aħjar dak li hija toffri,” tenna s-Segretarju Bondin.  

Huwa kompla billi faħħar lil Heritage Malta u l-ħaddiema tagħha anke lil dawk li qegħdin jieħdu ħsieb diversi siti f’pajjiżna. Kien hawn fejn ħeġġeġ lill-poplu biex jikkonkorru għall-attivitajiet li torganizza l-Aġenzija minn żmien għal żmien sabiex ikunu jistgħu jaraw u japprezzaw il-wirt kulturali u l-istorja rikka u sabiħa ta’ pajjiżna. 

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta Noel Zammit fisser il-ftehim kollettiv bħala tragward importanti ħafna għall-aġenzija u l-impjegati. “Il-ftehim kollettiv li kellna qabel kien imfassal fl-2010. Għaddew 12-il sena. Inbidlu ħafna affarijiet fis-suq tax-xogħol u fl-ambjent tax-xogħol. Aħna indirizzajna dawn il-bidliet kollha b’dan il-ftehim kollettiv,” qal Zammit. 

“Dan huwa ftehim modern b’miżuri marbutin mal-benesseri tal-impjegati infushom. Daħħalna nomenklaturi ġodda kif ukoll gradi ġodda biex ikun hemm aktar opportunitajiet għall-impjegat. Waqt it-tfassil tal-ftehim, l-impjegat kien dejjem fiċ-ċentru, u madwaru kien hemm l-Aġenzija. Nemmen li b’dan il-ftehim rebħet l-Aġenzija iżda rebaħ ukoll l-impjegat,” tenna l-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta.

Ritratti u Filmat: Alan Saliba

Ekonomija

Sport