Il-General Workers’ Union iffirmat żewġ ftehim kollettivi mal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) – wieħed għall-ħaddiema tal-Kummissjoni u l-ieħor għall-Managers u s-Senior Managers – li huma l-ewwel tax-xorta tagħhom f’din l-entità.
Il-ħaddiema, permezz ta’ dawn il-ftehim kolletivi li jkopru sa 2024, se jkunu qed jibbenefikaw minn kundizzjonijiet aqwa li jipprovdu struttura aktar b’saħħitha.
F’isem il-GWU ffirmaw Kendrick Bondin, Segretarju tat-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi, u Edmond George Apap u Antoniella Gatt bħala rappreżentanti tal-ħaddiema u Stephanie Magro Gazzano bħala rappreżentanta tal-ħaddiema fil-pożizzjoni ta’ Managers u Senior Managers. Għall-NCPE ffirmat il-Kummissarju Renee Laiviera flimkien mas-Segretarju Permanenti Emanuel Psaila.
Preżenti kien hemm ukoll il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri, is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg u s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Emanuel Psaila.
Is-Segretarju Kendrick Bondin esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-iffirmar ta’ dawn il-ftehim kollettivi li qal li se jservu ta’ pedament għall-ħaddiema fejn jidħlu d-drittijiet tagħhom. “Tajna rikonoxximent lill-ħaddiema għax-xogħol li qed jagħmlu u ħloqna struttura aktar b’saħħitha sabiex huma jkunu rappreżentati.”
“Din hija entità għal qalbi minħabba li proprju huma kienu dawk li ggwidawna biex nagħmlu politika ta’ ugwaljanza għall-GWU kollha. Dak li huma jħaddnu u jippromwovu, biex ikun hawn l-ugwaljanza f’pajjiżna, huwa proprju dak li anke bħala GWU nsaħħu,” kompla jgħid Bondin.
Tenna li għaldaqstant jemmen li ż-żewġ partijiet flimkien qegħdin jgħinu sabiex jagħmlu soċjetà aħjar biex kull bniedem ikun trattat b’mod uman.
Min-naħa tagħha, il-Kummissarju Renee Laiviera qalet li b’dan il-ftehim, il-ħaddiema se jkollhom kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar u se jservi ta’ benefiċċju mhux biss għalihom iżda wkoll għall-entità. Hija qalet li l-koperazzjoni mal-GWU kienet waħda kontinwa u sarrfet fl-għeluq ta’ dan il-proċess biex issa l-ħaddiema għandhom bażi aktar soda fuq xiex iserrħu.
Il-Ministru Byron Camilleri esprima sodisfazzjon għal dak maqbul u saħaq li din il-kummissjoni għandha rwol kruċjali sabiex mhux biss tkun promossa l-ugwaljanza fil-livelli kollha tas-soċjetà li ngħixu fiha, iżda fuq kollox biex kull persuna tkun taf id-drittijiet u l-obbligi tagħha. “Huwa importanti li bħala gvern nibqgħu nassiguraw li din l-entità tibqa’ tiġi msaħħa u l-ikbar għodda biex nagħmlu dan huwa proprju billi ninvestu fil-ħaddiema,” temm jgħid Dr Camilleri.
Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg saħqet li se jkomplu l-ħidma sabiex jaraw li l-ħaddiema jingħataw dak kollu li jeħtieġu biex ikunu aktar effiċjenti fix-xogħol li jagħmlu, b’pakkett finanzjarju li jirrifletti din il-ħidma.
“Il-Kummissjoni hija entità li ta’ kuljum taħdem sabiex tassigura li l-valuri ewlenin tal-ugwaljanza jkunu mħarsa u promossi għal kulħadd, għaldaqstant dan il-ftehim se jkompli jgħin sabiex tissaħħaħ il-ħidma tagħha lejn soċjetà ġusta u ugwali”.