Nhar il-Ħadd li ġej il-Membri Parlamentari tal-Partit Laburista fi New Zealand se jkunu qed jivvutaw biex jingħażel mexxej ġdid tal-Partit. Dan wara li fl-aħħar sigħat, il-Prim Ministru ta’ New Zealand, Jacinda Ardern, ħabbret li sas-7 ta’ Frar li ġej hija se tkun qed tirreżenja mill-kariga ta’ Prim Ministru kif ukoll minn mexxejja tal-Partit.
Ir-raġuni wara r-riżenja tagħha minn dawn iż-żewġ karigi hija li preżentament ma tiflaħx tikkumbatti mal-impenn li ġġib magħha l-ħajja politika hekk kif fi stqarrija mogħtija minnha stess hija qalet li dawn “Is-sitt snin fit-tmexxija tagħha kienu ta’ sfida kbira”.
Ardern twieldet fil-belt ta’ Hamilton u għandha 42 sena. Fl-istess żmien li kienet għaddejja bl-istudji tagħha, hija ngħaqdet mal-Partit Laburista ta’ New Zealand fl-età ta’ 18-il sena. Fil-bidu tal-2017 hija saret Membru Parlamentari għall-elettorat ta’ Auckland filwaqt li f’Awwissu tal-istess sena saret Mexxejja tal-Partit Laburista.
Fattur interessanti dwar Ardern huwa meta lura fl-2017, l-istess sena li fiha bdiet tokkupa l-kariga ta’ Prim Ministru, hija kienet l-iżgħar mexxejja mara fil-Gvern minn madwar id-dinja kollha, bl-età tkun dik ta’ 37 sena.
Barra minn hekk, sena wara – fl-2018 – hija kienet it-tieni persuna mid-dinja kollha li kellha wild fl-istess żmien illi kienet qed tokkupa kariga ta’ mexxejja fil-Gvern eletta mill-poplu.