Sunday, December 22, 2024

ARA: “Il-maltemp ma waqqafnix milli nikseb dan ir-rekord”

Aqra wkoll

Malcolm Pirotta, li waqqaf rekord għall-iktar faċċata mżejna fin-Naxxar

Hekk kif fit-8 ta’ Settembru tiġi ċċelebrata Jum il-Vitorja jew aħjar il-festa ta’ Marija Bambina, riċentement Malcolm Pirotta min-Naxxar ħa l-akbar rigal ta’ ħajtu hekk kif proprju lejlet din il-festa tant għażiża għalih, il-Malta Records għarfu x-xogħol impekkabbli u dedikat li jagħmel u onorawh bi plakka kommemorattiva wara li hu stess waqqaf rekord tal-iktar faċċata mżejna ta’ din il-kategorija. Din l-istess faċċata hi wiesgħa 19-il pied u 10 pulzieri u għolja 24 pied u 7 pulzieri.

Malcolm Pirotta għad għandu 25 sena u apparti li hu dilettant kbir tal-festa tan-Naxxar, jsib il-ħin ukoll li jimmudella tant li kellu x-xorti jirbaħ kompetizzjoni riċenti proprju billi rrappreżenta r-raħal li tant iħobb.

Iżda xi ħaġa li kienet ilha tberren f’moħħ Malcolm kien propju dik li jżejjen il-faċċata tad-dar tiegħu, aktar u aktar meta fiż-żona fejn joqgħod hu, ma jkunx hemm tiżjin fit-toroq. Kien għalhekk li hu xammar il-kmiem u beda jaħdem sabiex il-festa tan-Naxxar tiġi fit-triq tiegħu stess b’faċċata mżejna. 

Saqsejna lil Malcolm dwar il-bidu tad-delizzju tiegħu. “Jien minn dejjem kont dilettant tal-festi u sa minn mindu kont żgħir kont naffaxxina ruħi bit-tiżjin li jkun hemm fit-toroq. Kien hawn li beda jberren f’moħħi li nagħmel xi ħaġa simili mal-faċċata tad-dar tiegħi. Sena wara sena dejjem nimmaġina xi ħaġa, niddisinjaha u nagħmilha. L-ewwel bdejt bil-pavaljun tal-Vitorja u ħaġa ġġib lil oħra kif jgħidu. Iktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar komplejt inżid sa ma għaqqadt il-kollezzjoni tiegħi.”

Malcolm jispjega li l-fatt li f’ċerti perjodi matul is-sena l-oħra u din is-sena, Malta marret għal lockdown parzjali, u kien għalhekk li hu investa l-ħin tiegħu f’dawn l-affarijiet u din il-ħaġa għenitu sabiex itaffi mill-monotonija li jaf joffri dan iż-żmien. 

Iżda kif ġietu l-idea li jagħmel dan it-tiżjin proprju mal-faċċata tar-residenza tiegħu?

Kif stqarr Malcolm stess, il-festa tiġi għal kulħadd. Din il-parti fejn joqogħdu huma hi xi ftit kwieta fejn ma jkunx hawn tiżjin fit-toroq. Għalhekk ried iġib il-festa hemm isfel ukoll u kien għalhekk li ddeċieda li jżejjen il-faċċata. Għalkemm it-tiżjin hu limitat għad-dar tiegħu biss, xorta waħda l-komunità Naxxarija tista’ tgawdi dan it-tiżjin li għamel. Mhux darba jew tnejn li jara lil xi nies jammiraw is-sbuħija, id-dettall u l-faxxinu ta’ dan l-istess tiżjin, bil-pavaljuni li tant huma sinonimi mal-festi Maltin. 

YouTube video

Malcolm daħal fid-dettall ta’ kull biċċa pavaljun li għandu mal-faċċata tal-bini. Hemm il-pavaljuni tal-gallarija li juru l-arma tan-Naxxar, raħal twelidu kif ukoll dawk tal-istatwa ta’ Marija Bambina, it-titular ta’ dan ir-raħal. F’wieħed mill-pavaljuni tidher ukoll l-arma tal-Kavallieri, sinonima wkoll mal-arma tal-każin tal-banda tas-soċjetà Vittorja. Fuq il-bejt imbagħad hemm ukoll arma meta l-knisja parrokkjali tan-Naxxar saret kolleġġjata. Fost stemmi oħra li jinsabu hemm il-bandiera tal-Papa u tal-Madonna kif ukoll ‘l hekk imsejjaħ Nome di Maria assoċjata ma’ Marija Bambina. Jekk nerġgħu mmorru fil-gallariji, il-pavaljuni huma tal-bellus u rrakkmati bl-embroidery li jridu ħafna mogħdija sabiex ikunu stirati. Kollox magħmul bir-reqqa u bil-preċiżjoni, xi ħaġa li jagħmlu dan it-tiżjin uniku.

Pirotta qal li dan id-delizzju jieħu ħafna ħin iżda wkoll spejjeż fejn ħareġ ħafna flus minn butu.

“Hemm ħin konsiderevoli li qattajt sakemm tara l-prodott finali mal-faċċata. Ħafna ħin biex tarma iżda wkoll biex iżżarma. Madankollu nemmen li wieħed jista’ jsib ħin għal kollox.”

Rigward l-ispejjeż, Pirotta qal li hemm ċifra għolja li ntefqet sabiex inxtara l-materjal u eventwalment ingħaqad kollu. Minkejja kollox, meta tara r-riżultat finali hu jbierek dawk il-flus li nefaq għalihom.

Hu semma’ lin-nannu tiegħu li għenu ħafna fit-tiżjin tal-gallarija u t-tieqa speċjalment fl-isfumar tal-pavaljuni. Ma setax ma jsemmix ukoll lil ommu li tant ħadet paċenzja bih bil-ħjata ta’ dan l-istess armar.

Saqsejna lil Malcolm Pirotta xi tfisser għalih il-festa ta’ Marija Bambina fin-Naxxar.

“Fejn jidħol in-Naxxar, iktar minn kollox, għalija l-festa ta’ Marija Bambina magħrufa wkoll bħala l-Vitorja tfisser ħafna. Dan ir-raħal hu kollox għalija. Il-festa aktar u aktar. Lanqas inkun irridha tgħaddi!”

Bħalma nafu llum il-ġurnata naqas ħafna dan id-delizzju fost iż-żgħażagħ sforz l-impenn li trid tagħmel kemm bħala ħin kif ukoll finanzjarjament. Ma tantx għadek issib żgħażagħ li jagħtu daqqa t’id fil-festa daqskemm kien hawn qabel minħabba li aktar moħħhom sabiex jiddevertu u jattendu postijiet ta’ divertiment. Kif jgħidu hawn ħafna postijiet fejn tqatta’ l-ħin tiegħek u ħadd ma jrid ibati.

Madankollu Malcolm għad għandu biss 25 sena u dawn l-affarijiet jogħġbuh ħafna. Hu jgħid li jifhem lil kulħadd u ma jagħtix tort lil dak li jkun. Hu jadatta għal kull sitwazzjoni għax jemmen li hemm ħin għal kollox, kemm għall-festi kif ukoll għal xi serati ta’ divertiment li hu stess jattendi għalihom. 

Iżda Malcolm kien qed jistenna li kien se jkun ippremjat mill-Malta Records?

“Sa ċertu punt dan kien il-premju ta’ dawk is-sigħat ta’ ħidma. Ridt nasal għalih u b’xi mod irnexxieli. Naħseb li wara dak ix-xogħol kollu li ħadt, wasal dak l-objettiv li kont ili għalih.”

Tradizzjonalment ix-xahar ta’ Settembru jfisser ukoll tmiem is-sajf u bidu tar-rebbiegħa. Dan iġib miegħu taqlib tat-temp fejn jibdew neżlin saħansitra xi ħalbiet tax-xita. X’jiġri f’dak il-każ?

“Ix-xita u l-maltemp inqisu bħala parti tradizzjonali tal-festa għax din tiġi fit-8 ta’ Settembru. Hi ħaġa naturali li nistennew dan it-tip ta’ temp f’dan iż-żmien għalkemm xejn ma jaqtagħli qalbi. F’dan il-każ, jekk tagħmel ix-xita jkolli nżarma l-affarijiet għax ċerti pavaljuni jiġrilhom il-ħsara. Meta t-temp jisbieħ, nerġa’ narma kollox.”

Saqsejna lil Malcolm jekk għandux xi ħaġa ppjanata għas-sena li ġejja. Hu qalilna li jixtieq ikabbar aktar il-kollezzjoni tiegħu għalkemm ma jistax jagħmel aktar affarijiet mal-faċċata. Waħda mix-xewqat tiegħu hi proprju li jkollu l-vara tat-titular li bħalissa jinsab fi proċess sabiex jagħmilha.

Malcolm Pirotta kellu l-aħħar messaġġ għal dawk id-dilettanti tal-festi li jqisu din it-tradizzjoni bħala identita’ Maltija.

“Jien inqis l-armar tal-faċċata tad-dar tiegħi bħala delizzju. Nintefa’ hawnhekk, nirrilassa u tista’ tgħid imorruli d-dwejjaq. Għalhekk il-messaġġ hu wieħed. Ejja nżommu din it-tradizzjoni ħajja fostna l-Maltin għax il-festi huma xi ħaġa sabiħa ħafna.”

Ekonomija

Sport