Il-partiti politiċi jridu jikkonvinċu lill-elettorat b’politika awtentika. Għalhekk, il-Partit Laburista għandu jibqa’ jisma’ l-kritika u jfittex li jitkellem ma’ dawk li huma silenzjużi. Tajjeb ukoll li l-partit jibqa’ jisma’ leħen l-attivisti li huma l-għeruq tal-partit.
Dan kien il-ħsieb ewlieni tal-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista Leonid McKay f’intervista li saritlu ma’ IT-TORĊA fejn esprima wkoll it-twemmin tiegħu li l-Partit ikompli jsemma’ leħnu anke fuq ċertu kwistjonijiet ta’ natura soċjali.
Is-Sur McKay beda biex qal li bħala Kap Eżekuttiv għandu l-privileġġ illi dawk li kienu f’din il-kariga qablu kollha ħallew il-marka tagħhom, min f’qasam u min f’ieħor. Huwa żied jistqarr li kien ċar mill-bidu nett li bħala Kap Eżekuttiv mhux se jkun persuna tal-amministrazzjoni biss.
“Huwa importanti li nagħti prijorità lill-amministrazzjoni, lill-finanzi u l-proprjetà tal-partit, il-ħidma mal-Kumitati Lokali u Distrettwali, iżda wkoll irrid nara li bħala partit ikollu l-ħsieb politiku ċar li jista’ jmur bih quddiem l-elettorat u jgħid: Dawn huma l-għeruq, il-valuri u l-proġett tal-PL,” qal is-Sur McKay.
Bħala persuna li ġej mill-kamp soċjali, il-Kap Eżekuttiv tal-PL sostna li jrid jara wkoll li dak li hu tajjeb ngħidulu tajjeb u dak li huwa ħażin, ngħidulu ħażin. “L-elettorat dak li jrid”, tenna s-Sur McKay. “Persuni li tkellmu magħna qalu x’qed iħossu. Però għandek ukoll faxxa ta’ persuni silenzjużi li kulma jridu huwa politika li hija awtentika li tispjega dak li hu abjad, hu abjad u dak li hu iswed, hu iswed.”
Huwa rrefera wkoll għall-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista li saret ġimagħtejn ilu fejn bosta delegati tkellmu u saħqu dwar il-fatt li l-partit irid jibqa’ jkun miftuħ għal kulħadd. Apparti hekk, is-Sur McKay enfasizza li jridu jkunu awtokritiċi fis-sens li ma jiddejqux li jkun hemm kritika filwaqt li jrid ikun hemm pożizzjonijiet ċari min-naħa tal-partit. “Dawn huma kollha messaġġi li bħala Kap Eżekuttiv flimkien mat-tmexxija l-ġdida rridu nagħtu kashom.”
“Dejjem emmint li m’hemm l-ebda manwal li jispjegalek x’inhu l-irwol ta’ CEO”
Mitlub jelabora aktar dwar ir-responsabbiltajiet li ġġorr magħha l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-PL, is-Sur McKay qal li huwa dejjem emmen li m’hemm l-ebda manwal li jispjegalek x’inhu l-irwol ta’ Kap Eżekuttiv. Dan għaliex fi kliemu “trid tkun inti” li tibni dan l-irwol.
Enfasizza li: “Dejjem kont ċar li mhux se nkun magħluq fl-uffiċċju nieħu ħsieb il-balance sheets tal-Partit. Mhux se nkun hawn nieħu ħsieb biss li nara li fl-aħħar tas-sena s-somom tagħna jkunu bbilanċjati, li għandna dħul u ħruġ li jagħmlu sens.
“Is-sostenibilità finanzjarja hija importanti. Il-ħidma mal-Kumitati, mal-Kummissjoni Proprjetà, mal-amministrazzjoni hija importanti. Però daqstant ieħor huwa importanti li nara li flimkien mal-kumplament tal-amministrazzjoni jkollna l-ħsieb politiku li jkun irfinat, fis-sens li wieħed irid iwieġeb: Għaliex għandi nagħżel il-PL?.”
Huwa kompla jgħid li l-partiti l-kbar għandhom ħafna aktar responsabbiltà fuq spallejhom għaliex huma jistgħu jirfinaw dak il-ħsieb politiku u jikkonvinċu għalfejn persuna għandha tagħżel partit minn ieħor. Semma li f’diskors li għamel f’attività politika f’San Pawl il-Baħar huwa għamel aċċenn dwar il-fatt li l-Partit Laburista għandu jkompli jara li jkun hemm tkabbir ekonomiku għal kulħadd imma fl-istess ħin għandu jkompli jifhem li t-tkabbir ekonomiku waħdu mingħajr l-intervent tal-Gvern jista’ ma jkunx qed jilħaq lil kulħadd.
“Spjegajt ir-riformi fil-housing anke fil-qasam tal-kera. Spjegajt ir-riforma tal-kirjiet ta’ qabel l-1995 fejn kellek madwar 10,000 familja li kienu f’sitwazzjoni li filwaqt li s-sid qed igerger għax qed idaħħal ċuċata fis-sena kirja tar-residenza, l-inkwilin kien qiegħed kważi kważi mingħajr serħan tal-moħħ għax qed jistenna minn ħin għall-ieħor deċiżjoni tal-qorti li tista’ titfgħu ‘l barra.
“Kienet riforma li l-Gvern kellu jintervjeni. L-ebda tkabbir ekonomiku waħdu ma kien se jara li dawn il-persuni jingħataw is-serħan tal-moħħ. Dik kienet riforma li ninsew nitkellmu dwarha. Din riforma li turi li tajjeb li tinvesti. Tajjeb li jkollok tkabbir ekonomiku imma tajjeb ukoll li tara li l-istat jintervjeni b’mod dirett biex il-ġid jintlaħaq minn kulħadd,” tenna l-Kap Eżekuttiv tal-PL.
Huwa semma wkoll kif il-Gvern intervjena biex jonqsu dawk dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali. Irrefera għall-inwork benefit u tapering tal-benefiċċji fost diversi miżuri li permezz tagħhom ġew megħjuna aktar nies fl-istess ħin li kompla jiġi miġġieled il-faqar u l-“intergenerational poverty”, li fi kliemu dan tagħmlu biss billi tikkonvinċi lill-individwu illi jkun jaqbillu li joħroġ jaħdem.
“Dawk kienu żewġ riformi li ħafna drabi ninsew nitkellmu dwarhom. Min-naħa l-oħra, dawn huma stejjer ta’ suċċess. Imma politika awtentika ma titkellimx biss fuq politika ta’ suċċess. Titkellem ukoll fuq punti li wieħed irid jitkellem dwarhom.”
Huwa semma l-kwistjoni tal-vjolenza domestika fejn għandek ukoll sitwazzjonijiet ta’ persuni anzjani li qed jispiċċaw abbandunati minn uliedhom stess jew agħar minn hekk isofru minn abbużi fiżiċi u psikoloġiċi.
Dwar il-kwistjoni ta’ ħaddiema barranin, is-Sur McKay qal li huwa tajjeb li wieħed jagħti spjegazzjoni f’dan ir-rigward. “Il-Partit Laburista ma jista’ jinsa qatt l-għeruq tiegħu. Li kien hu illi ra li jiġġieled l-isfruttament tal-ħaddiema. B’ħaddiema ma nfissirx biss Maltin imma anke dawk li mhumiex.
“Naħseb li l-PL ma jista’ qatt jiddejjaq jitkellem fuq il-valur tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema. Dan japplika għal kulħadd, irrispettivament min-nazzjonalità però l-PL irid jagħraf ukoll li s-suq tax-xogħol f’Malta għandu bżonn persuni għal ċertu impjiegi u hemm ċertu setturi illi llum m’għandniex bżonn aktar ħaddiema. Jekk ma niħdux azzjoni hemm il-probabbiltà hi li jibda dieħel ċertu element, jista’ jkun ta’ sfruttament.
“Jiena kont parti mid-deċiżjonijiet anke f’JobsPlus fejn rajna ċertu setturi li ma kellniex għalfejn ninvestu aktar fihom biex ikun hemm ħaddiema aktar barranin. Filwaqt li naraw li ma jkun hemm ħadd li nxellfulu l-protezzjoni tad-drittijiet tiegħu fl-istess ħin naraw ukoll li fejn għandna bżonn għandna bżonn, u fejn m’għandniex bżonn, m’għandniex bżonn,” tenna s-Sur McKay.
Il-PL dejjem kien minn ta’ quddiem biex jitkellem fuq valuri u għeruq soċjalisti li ġabu ħafna bidliet
Sadanittant, il-Kap Eżekuttiv tal-PL tkellem ukoll dwar id-distinzjoni li għandha tinżamm bejn il-partit u l-Gvern, li permezz tagħha l-partit ikun ħafna aktar fil-libertà li jitkellem u jispjega kemm l-istejjer ta’ suċċess fosthom fil-libertajiet ċivili, fil-programm soċjali, fl-oqsma tax-xogħol, tas-saħħa u l-persuni b’diżabilità.
“Fl-istess ħin għandek stejjer li rridu ngħidu li hawn id-direzzjoni ma kinitx id-direzzjoni t-tajba u l-partit irid ikollu permezz tal-istrutturi tiegħu ċ-ċans li jiddiskutihom. Il-PL dejjem kien minn ta’ quddiem biex jitkellem fuq valuri u għeruq soċjalisti li verament ġabu ħafna u ħafna bidliet fil-qasam soċjali u ekonomiku,” tenna s-Sur McKay.
B’żieda ma’ dan huwa kruċjali wkoll li l-attivisti, anke dawk fil-Kumitati Lokali u Distrettwali, jibqgħu jkunu vuċi attiva fil-ħidma tal-partit. Bil-midja tal-Partit Laburista hija għodda importanti biex ikun jista’ jitwassal aħjar il-messaġġ tal-partit.
“It-tiġdid ifisser uċuħ ġodda flimkien ma’ dawk li ilhom jagħtu ħafna enerġija lill-partit”
Mistoqsi dwar it-tiġdid li sar fi ħdan il-PL, is-Sur McKay qal li b’tiġdid ma nifhmux biss uċuħ ġodda, iżda li jkun hemm taħlita ta’ ideat ġodda u tara li dawk li kien hemm qabel ikollhom ukoll rwol ċentrali.
“Kien hemm ħafna nies li ħasbu “x’ġej? Dat-tiġdid ifisser li għal barra?” Xejn minn dan. Anzi jiena qed ngħid li bħala PL, it-tiġdid ifisser uċuħ ġodda flimkien ma’ dawk li ilhom jagħtu ħafna enerġija lill-partit.”
Kompla jgħid li “Smajna ħafna fuq il-bżonn li nkunu awtokritiċi. Jiena ngħid li hemm vuċijiet silenzjużi li la se jmorru jħabbtu l-bieb ta’ Kastilja, la se jmorru għand il-Ministru, la se jmorru fuq il-mezzi soċjali. Dik il-faxxa ta’ nies li dejjem qiegħda tikber hija importanti ħafna nisimgħuha.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista Leonid McKay temm jgħid li “rridu noqogħdu attenti li ma nidħlux f’mentalità li rridu nkissru lil ħaddieħor biex nissaħħu aħna. Jiena ngħid bil-kontra. Huwa aktar importanti li tissaħħaħ inti milli tkisser lil ħaddieħor.”