Friday, December 13, 2024

ARA: Il-PM jinawgura l-proġett tas-Central Link

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi, inawgura s-Central Link Project li sar b’investiment ta’ €55 miljun, liema proġett fost l-oħrajn jitqies bħala wieħed ambjentali għax inaqqqas l-emmissjonijiet b’mod drastiku.

Grazzi għal dan il-proġett infrastrutturali ġew imtejjba t-toroq arterjali fiċ-ċentru ta’ Malta, ġew introdotti rotot ġodda li jnaqqsu l-emissjonijiet u fost l-oħrajn tħawwlu siġar u arbuxelli ġodda, inbnew mill-ġdid 11-il junction, tneħħew erba’ sistemi ta’ traffic lights, ġew introdotti 10km ta’ passaġġi ġodda għall-mixi, 12-il bus stop u nħolqot l-itwal cycle lane f’pajjiżna. Fuq kollox huwa proġett li se jnaqqas b’50% il-ħin tal-ivvjaġġar kif ukoll sa 66% tat-tniġġis ikkaġunat mit-traffiku.

Fl-indirizz tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela qal li dan huwa proġett tant importanti għal dan il-pajjiż. Qal li mill-2017 ‘il quddiem dan il-Gvern imbarka fuq l-akbar proġetti infrastrutturali ta’ pajjiżna fejn fehmu li ekonomija li r-rittmu ta’ tkabbir tagħha kien fost l-aqwa riedet tkun sostuna b’investment infrastrutturali li kien wieħed bla preċedent.

Semma kif investew total ta’ €140 miljun f’seba’ proġetti li fost l-oħrajn jinkludu s-Central Link, Marsa Junction, u Tal-Balal u li bihom il-poplu se jieħu benefiċċji li jammontaw għal biljun u mitejn elf ewro meta wieħed jikkalkula l-ħin li qed jiġi frankat u inqas emissjonijiet.

Tkellem dwar il-fatt li l-infrastruttura u l-ambjent huma żewġ affarijiet li jikkumplimentaw lil xulxin. Qal li anke f’dan il-proġett hemm numru ta’ benefiċċji ambjentali u li jnaqqas l-impatt negattiv fuq il-kwalità tal-arja.

Il-Kap Eżekuttiiv ta’ Infrastructure Malta Fredrick Azzopardi qal li dan ma kienx l-akbar proġett li għamlet Infrastructure Malta kemm ilha mwaqqfa, pero sostna li dan huwa l-aktar proġett li se jagħtina benefiċċji minn fost dawk kollha li tlestew jew li qed isiru bħalissa.

Huwa rrefera għal studju li sar, fejn minnu joħroġ il-fatt li għal kull miljun ewro li ntefqu f’dan il-proġett, il-familji u negozji Maltin se jiggwadanjaw €16-il miljun f’arja aktar nadifa, inqas ħela ta’ ħin u inqas ħela ta’ fjuwil.

Innota ukoll li dan il-proġett kien l-aktar wieħed li kien fuq l-ixkaffa, fejn għal ħafna raġunijiet baqa’ ma sar xejn anzi meta sar ftit tibdil fis-snin 90 is-sitwazzjoni marret għall-agħar u mhux għall-aħjar. 

Azzopardi qal: “Konna kuraġġużi u determinati li nsibu soluzzjonijiet sostenibbli biex dawk li kienu qed ibatu ma jibqgħux isofru minħabba l-kapriċċi tal-ftit.”

Is-Segretarju Parlamentari Zrinzo Azzopardi qal li pajjiż li jrid jimmoderrnizza lilu nnifsu u li jrid isaħħaħ it-tħejjijia tiegħu għall-ġejjieni b’andament ekonomiku aħjar, irid jinvesti fl-infrastruttura tiegħu fl-aktar tifsira wiesa’ ta’ din il-kelma. Qal li dan il-proġett kien ilu ppjanat għal ħafna snin iżda bosta kienu dawk li għażlu li ma jimplimentawhx pero bid-direzzjoni li ngħatat u l-finanzjament li nkiseb dan il-proġett seta’ jseħħ u jiġi inawgurat uffiċjalment.  Spjega li dan il-proġett huwa stmat li sewa madwar €55 miljun li €11-il miljun minnhom ġejjin minn fond ta’ koeżjoni u €4 miljun mill-fond għall-iżvilupp reġjonali. Semma kif dan il-proġett għandu impenn ambjentali għax inaqqas l-emissjonijiet.

Il-Ministru Borg qal li meta ħasbu f’dan il-proġett ġenwinament ħasbu li kulħadd se jkun favur u qatt ma kien se jkun hemm kontroversji. Innota kif uħud minn dawk li qabel ikkritikaw, illum il-ġurnata jgħidu li mnalla sar dan il-proġett. Qal li dan huwa proġett li minnu se jgawdi l-pajjiż kollu. Semma kif meta jħares lejn dan il-proġett, jara nies li qed jiffrankaw il-ħin mit-traffiku, infrastruttura aħjar għat-trasport pubbliku, jara nies li jimxu, jiġru u jsuqu r-rota u t-triq hija aktar sigura, fost oħrajn. Żied jgħid li meta wieħed iħares lejn is-sigurtà li toffri din l-infrastruttura, qiegħda fiċ-ċentru tal-proġetti li qed iwettqu.

Ritratti: Roger Azzopardi

Ekonomija

Sport