Sunday, December 22, 2024

ARA: Il-PM se jkun qiegħed jikkontesta fuq il-5 distrett

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’diskors b’saħħtu f’attività politika fl-Imqabba, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela ħabbar li se jkun qiegħed jikkontesta fuq il-Ħames Distrett Elettorali. 

“Irrid nagħtikom il-garanzija personali tiegħi li dak il-ħafna li bnejna se nkomplu nibnu fuqu. Lilkom irrid nibgħat messaġġ b’saħħtu u qawwi li dak li nbeda f’dawn in-naħat se nwassluh,” tenna Dr Abela waqt li qal li hu trabba mal-Qriema u li żgur mhux se jinsihom.

Dwar l-elezzjoni ġenerali, huwa qal li din qiegħda mhux aktar bogħod minn erba’ xhur mil-lum. “Hija elezzjoni tibda xejn b’xejn. Aħna rridu naħdmu ta’ kuljum biex nirbħu l-fiduċja tan-nies,” tenna l-Prim Ministru. 

Intant, il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar ir-riformi li saru biex itejbu l-qagħda tal-familji u tan-negozji u joffru futur aħjar lil kulħadd, ġej mil-liema faxxa ġej tas-soċjetà tagħna.

Qal li għalhekk issa nħarsu ‘l quddiem lejn ġimgħat sbieħ fejn se jitneħħew aktar restrizzjonijiet marbuta mal-Covid-19. Qal li dan se jsir b’responsabbiltà u mingħajr tkaxkir tas-saqajn. Dan sabiex nistgħu nerġgħu nibdew ngħixu f’normalità.

“Il-kobor ta’ dan il-moviment hu li nirrikonoxxu r-realtajiet ta’ kulħadd”

“Tlaqna fuq progamm ambizzjuż ta’ riformi. Il-kobor ta’ dan il-moviment jibqa’ li nirrikonoxxu u nagħrfu r-realtajiet ta’ kulħadd u ma nagħlqu għajnejh għar-realtajiet ta’ ħadd,” kompla jgħid il-Prim Ministru. 

Qal li s-suċċessi li ksibna f’dawn l-aħħar snin dejjem kienu xhieda tal-mod kompetenti u tal-kredibilità li akkwista dan il-Gvern biex ikompli jmexxi lil dan il-pajjiż. Huwa żied jgħid li dak li nkiseb sa issa huwa biss il-bażi biex ikompli jsir iżjed.

“Mingħajr in-nies, dan il-moviment mhu xejn. Huma n-nies li jagħtuna s-saħħa biex immexxu u t-tmexxija ta’ dan il-partit u moviment trid tkun iffukata fuq in-nies. Dejjem konna viċin in-nies, tgħallimna mill-esperjenzi tan-nies u dejjem fhimna l-messaġġ li għaddewlna.” 

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar id-deċiżjoni importanti li ttieħdet li jinvestu €70 miljun oħra fin-nies. Miżura ta’ appoġġ għall-familji. “Kellna miżura tal-budget li titkellem fuq ir-rifużjoni tat-taxxa li kkumplimentajnieha b’ċekk ieħor biex nindirizzaw realtajiet li żviluppaw wara l-budget. Ħassejna li kellna nintervjenu biex insostnu lill-ħaddiema u lill-familji,” tenna l-Prim Ministru.

“Ma ħallejna lil ħadd jaqa’ lura f’dawn l-aħħar sentejn. M’aħna qatt se nħallukom waħedkom. Kellna sfida wara l-oħra f’dawn l-aħħar sentejn imma ma qtajna qalbna qatt.” 

“Se nibqa’ ninvesti fin-nies u nimbotta ‘l quddiem ir-riformi”

Dr Abela tenna li dan il-Gvern ilu sentejn sħaħ isostni u jgħin lin-nies f’kull waqt, anke fi żmien ta’ pandemija. Kien hawn fejn qal li jekk il-poplu jerġa’ jafdah bit-tmexxija tal-pajjiż, se jkompli jinvesti fin-nies. 

“Se nibqa’ nimbotta ‘l quddiem ir-riformi. Minix se nikkuntenta b’dak li ksibna għax nemmen li nistgħu niksbu ħafna u ħafna iżjed. L-Oppożizzjoni baqgħet mhix tinduna li n-nies ma jridux aktar il-partiġġjaniżmu, ma jridux argumenti frivoli bejn il-politiċi. 

“In-nies iridu ħajjithom lura, iridu jaraw li l-pajjiż ikollu ambjent ekonomiku li jikber u li joffri dejjem iżjed opportuntajiet, iridu jgħixu f’pajjiż isbaħ, il-poplu magħna jaf fejn qiegħed. Is-sostenn li tajna din il-ġimgħa mhux biss dwar il-preżent imma wkoll dwar il-futur,” qal il-Prim Ministru.

Dr Abela qal li dan kollu għamilnieh għax qegħdin f’mument ta’ rkupru importanti. Qal li ħaddieħor ta l-bozoz u għolla l-prezzijiet. “Distinzjoni ċara bejn il-politika ta’ dan il-moviment u politika ankrata mal-passat ta’ Bernard Grech. Fuq l-isfida tal-enerġija, Bernard Grech kien qal li jekk il-prezz tal-enerġija jogħla internazzjonalment, ikollu jogħla Malta. L-ewwel proposta ta’ Bernard Grech – jgħolli l-kontijiet. Kieku kellna nħallu f’idejn dit-tip ta’ politika, kull familja f’kontijiet tal-enerġija waħedhom kien ikollha żieda ta’ €500 fis-sena. Kieku ma ntervjejniex, kull familja il-prezz tal-enerġija waħdu kienet tħallas €500 fis-sena.”

Il-Prim Ministru semma wkoll li l-Gvern se jibqa’ juża r-riservi li ħa ħsieb li jġemma’ tul is-snin bilagħaqal biex nilqgħu għal kull sfida. “Taħt amministrazzjoni mmexxijja mill-Partit Nazzjonalista, bejn budget u ieħor konna nirċievu xi kont għola. Taħt dan il-Gvern bejn budget u ieħor nistennew xi ċekk ieħor iżjed minn dak li nkunu ħabbarna fil-budget.”

“Is-soċjetà ma tistax tiskot quddiem sitwazzjonijiet li jpoġġu lin-nisa f’qagħda iktar vulnerabbli”

Il-Prim Ministru għamel ukoll referenza għall-emendi li tressqu biex ikun rikonoxxut il-femiċidju fil-Kodiċi Kriminali. Dan sar għaliex ħassejna l-bżonn li nibagħtu messaġġ b’saħħtu.

“Nemmnu li din is-soċjetà ma tistax tiskot quddiem sitwazzjonijiet li jpoġġu lin-nisa f’qagħda iktar vulnerabbli,” tenna l-Prim Ministru.

Finalment huwa qal li dan il-moviment se jibqa’ dejjem umli imma wkoll kburi li dejjem kien konsistenti. “Magħna n-nies jafu fejn qegħdin. In-nies jafu li aħna magħhom biex nibnu pajjiż isbaħ, aħjar u li jkompli joffri l-opportunitajiet.

“Pajjiż ibbażat fuq l-għaqda u mhux fuq il-firda. Pajjiż li jwarrab il-partiġġjaniżmu u li jgħix bil-ħtieġa li nibnu fuq it-tajjeb u fejn seta’ sar aħjar nibdlu sabiex nagħmlu aħjar.

Pajjiż li jrid tmexxija soda li ma teħdux lura iżda ‘l quddiem. Pajjiż li fuq kollox jixraq lil uliedna.

“Insejħilkom biex tingħaqdu magħna. Pajjiżna għandu futur sabiħ quddiemu imma rridu naħdmu għalih flimkien, kull wieħed u waħda minna jrid jingħaqad biex il-moviment tagħna jkompli jagħmel il-ġid. Għawdxin u Maltin flimkien. Ħadd ma jista’ jwettaqna fit-twettiq tal-aspirazzjonijiet tagħna. Flimkien nistgħu nkomplu nibnu l-pajjiż tas-suċċess. Flimkien nistgħu nkomplu niksbu dak li sissa għadna ma ksibniex flimkien,” temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela. 

Ekonomija

Sport