Ħsieb li twieled fl-2016 irnexxielu jiġi mfassal biex illejla jiġi inawgurat il-monument San Bartilmew fil-Għargħur. Dan il-monument fil-pjazza tal-Għargħur se jkun qiegħed jiġi inawgurat f’għeluq il-250 sena mill-wasla tal-istatwa artistika ta’ San Bartilmew fir-raħal.
Dan is-sit tkellem mal-President tal-Għaqda Monument San Bartilmew Simon Aquilina fejn qalilna li minkejja affarijiet artistiċi oħra, dejjem ħassew in-nuqqas tal-istatwa tal-qaddis patrun u għalhekk proprju fl-2019 twaqqaf il-kumitat biex dan il-proġett ikun jista’ jiġi attwat.
Aquilina qalilna li l-proċedura biex din l-istatwa tkun tista’ tiġi inawgurata ma kinitx waħda faċli u l-proċess kien pjuttost twil.
Wara li ħarġet l-applikazzjoni għall-monument li ħadet numru ta’ xhur biex ġiet approvata, li matulhom saret diskussjoni bejn numru ta’ entitajiet fosthom il-Kunsill Lokali u Transport Malta, bdew id-diskussjoni biex jinstab skultur għal dan ix-xogħol. Il-President qalilna li xtaq li dan il-monument jinħadem minn skultur Malti u li ntagħżel Joseph Micallef. Sar l-abbozz bid-disinn tal-monument li ntgħoġob mill-ewwel, bdew jittieħdu numru ta’ ritratti minħabba l-fatt li bħala kumitat esprimew ix-xewqa li l-monument ikun jixbaħ l-istatwa titulari ta’ San Bert fil-Knisja Parrokjali.
Mistoqsi dwar l-ispiża ta’ dan il-monument Aqulina qalilna li għalkemm is-somma maħruġa hija ta’ madwar €55,000, li kieku ma kienx hemm ħafna persuni li ħadmu b’mod volontarju, is-somma kienet taqbeż il-€100,000. Fost dawk li taw il-kontribut tagħhom kien hemm dawk li għenu fit-trasport, armar ta’ scaffolding, armar ta’ dwal, għajnuna finanzjarja mill-Kunsill Lokali u l-iskultur stess li s-Sibtijiet kien imur flimkien mal-ħaddiema mingħajr ħlas.
Aquilina xtaq jirringrazzja wkoll lill-gven fejn għall-inawgurazzjoni tal-lejla se jkun qiegħed jagħti €5,000 bħala parti mill-fondi lill-għaqdiet u l-organizzazzjonijiet volontarji.
Il-bqija tal-fondi kienet daqsxejn ta’ problema hekk kif wara l-ewwel attività ta’ ġbir feġġet il-pandemija u b’hekk ma setgħux isiru attivitajiet għall-ġbir. Madanakollu, ħafna mill-persuni tar-raħal kif ukoll xi devoti oħrajn ta’ San Bert barra mir-raħal kienu ġenerużi ħafna u s-somma tal-monument ġiet miġbura kollha.
B’hekk illejla wara tant stennija, jinkixef il-monument li se jibqa’ jitgawda mir-residenti u minn dawk kollha li jżuru l-pjazza tal-Knisja Parrokjali fil-Għargħur.