Saturday, November 23, 2024

ARA: “Inħossni ħati li ninfetta lil ħaddieħor… allavolja mhux tort tiegħi”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Pazjent asintomatiku tal-Covid-19 jinsisti li hemm bżonn li nosservaw il-liġijiet u li nkunu aktar iebsin ma’ min jikser il-liġi

Miktub minn Carmen Cachia, Filmat Alan Saliba

YouTube video

Eks politiku u negozjant li ħareġ bil-pensjoni jinsab f’ħidma biex iwassal għarfien u jqajjem kuxjenza fost il-poplu Malti dwar il-perikli u r-realtà tal-pandemija li ninsabu fiha tal-Covid-19. Wara li huwa stess, għal tliet ġimgħat sħaħ kellu joqgħod fi kwarantina fl-Isptar Boffa meta fi swab test ta’ rutina, instab pożittiv, Edgar Bonnici Cachia, jisħaq fl-importanza li kulħaddd iħares il-miżuri ordnati mill-awtoritajiet tas-saħħa u aktar minnhekk jgħid li r-riżultati tal-iswab għandhom jinħarġu aktar malajr biex żgur tkun ikkontrollata din l-imxija. Dan minħabba, li fil-każ tiegħu u kif għal dawn l-aħħar xhur huwa ssuspettat li qiegħed jiġri madwar id-dinja, hemm perċentwal ta’ persuni li huma asintomatiċi u mingħajr ma jridu qegħdin jinfettaw lil ħaddieħor minħabba li ma jkunu jafu li għandhom il-Covid-19.

“Jekk se jkun hemm ħafna każi f’daqqa u se jkollna problema serja. Din mhix kwistjoni politika imma kwistjoni ta’ saħħa pubblika. Hemm nuqqasijiet li jridu jkunu indirizzati kemm mill-awtoritajiet, kif ukoll minna stess. Irid ikun hemm aktar kontroll, osservanza tal-miżuri u rridu nkunu aktar iebsa biex nerbħu lil dan il-virus,” sostna Bonnici Cachia.

Dan il-pensjonant, li llum il-ġurnata għandu 70 sena u allura jidħol fil-faxxa tal-vulnerabbli, qal li fid-29 ta’ Ottubru marru grupp ta’ sitt persuni għal swab test f’Ħal Luqa. “Ma kelli ebda sintomi. Xejn, assolutament u fil-fatt, bqajt bla sintomi sal-aħħarnett. L-ewwel daqqa li ħassejt kienet meta t-tabiba li ċemplitli qalti li għandi l-Covid-19. Dan kien tlett ijiem wara li ħadt it-test u nħoss li dewmuni wisq biex tawni r-riżultat. Mill-ewwel bdejt ninkwieta li seta’ ħadha ħaddieħor minni. It-tabiba qaltli għandi bżonn immur l-Isptar Boffa biex ikunu jistgħu jieħdu ħsiebi sewwa u fit-3.00 ta’ filgħodu ġiet l-ambulanza għalija,” beda jirrakkonta dan il-Ħamruniż.

“Kont ftit imbeżża’ għax min jaf x’jista’ jinqagħali”

Boffa qalulu li se jieħdu ħsiebu imma fir-realtà u “fortunatament”, huma biss waħdiet mill-pazjenti rikoverati hemmhekk li jkollhom bżonn ta’ xi panadol f’każ li jitlagħlhom id-deni, jew bżonn ta’ ossiġinu jekk ikollhom problemi bin-nifs. Il-maġġoranza tal-pazjenti, inkluż huwa, kienu bla sintomi. “Ħassejtni stramb ftit għax sptar hu x’inhu. Kont ftit imbeżża’ għax min jaf x’hiex jista’ jinqagħali,” stqarr dan l-eks pazjent. 

Meta daħal kien hemm 19-il pazjent fis-sala tiegħu u s-sodod kienu mifrudin bil-partitians ħoxnin. L-etajiet tal-pazjenti kienu jvarjaw minn 20 sena u jibqgħu tilgħin fuq is-70 sena sew. 

Bonnici Cachia qal li barra li jħossu urtat ħafna li r-riżultat tal-iswab ħareġ wara tlett ijiem, fl-opinjoni tiegħu jħoss li kien hemm xi nuqqasijiet fl-isptar li kien miżmum kwarantina fih. “Toqgħod hemm, tistenna li jgħaddilek għax terapija biex tfieq m’hemmx. Hemm bżonn ikun hemm xi ħadd li jieħu ħsieb l-istaff għax jien l-esperjenza tiegħi li lanqas ġie jarani  tabib. Ħaġa stramba li rajt kienet dik li l-infermiera ma kellhomx identifikazzjoni fuqhom. Hemm bżonn li tara l-isem tal-persuna li tkun qiegħda tieħu ħsieb saħħtek anke bħala referenza. Il-perjodu kollu li għamilt fl-isptar jien ħassejtni li kont qisni mitluq sakemm fl-aħħar irriżultajt negattiv u għalhekk stajt nitlaq ‘il barra,” spjega r-raġel.

Huwa qal li r-rutina hija li filgħodu tiġi infermiera u tagħtik il-pilloli li tieħu s-soltu bħal per eżempju tad-dijabete, tiċċekkjalhom it-temperatura u tagħtihom it-tilqima fiż-żaqq li jagħtuha bħala prevenzjoni għaċ-ċirkolazzjoni tad-demm. 

“Kont noħroġ fit-terrazzin biex nara ftit il-vapuri. Il-bqija xejn. Imbagħad tibda tinnota. X’inhu tajjeb u x’inhuwa ħażin,” kompla Edgar. 

Wara ħmistax-il jum li kien fl-isptar, Bonnici Cachia għamel swab oħra u għal darb’oħra irriżulta pożittiv. Huwa ġiet infurmat li se jkollu jibqa’ hemm mill-inqas għal ġimgħa oħra. “Tbati għax, filli se toħroġ u filli trid tibqa’ hemm u dik tħossha. Però din il-proċedura nifhimha għax importanti li joqogħdu attenti kemm għall-ġid tiegħek, kif ukoll għall-komunità. Ma kontx nibża’ li se mmut. Fil-bidu kont qiegħed nistenna li joħorġu xi sintomi iżda bqajt inħossni tajjeb ħafna,” spjega l-pazjent asintomatiku.

Huwa qal li ħaġa li forsi tista’ tkun indirizzata hija dik tal-pazjenti li jkunu qegħdin jistennew ir-riżultat tal-iswab biex ma jħalltux magħhom pazjenti rikoverati ġodda bil-Covid-19. “Bdejt nibża’ li se nerġa’ nittieħed wara li jsirli t-test u potenzjalment noħroġ pożittiv fil-komunità sagħtejn qabel noħroġ mill-isptar. Dan ir-riskju ta’ infezzjoni huwa wkoll għall-ħaddiema fl-isptar,” spjega Edgar.

Huwa qal li m’hemmx mod ieħor barra l-iswab test li permezz tiegħu, ikun jaf li huwa infettat bil-Coronavirus. “Jien illum għandi 70 sena u għamiltha ħajti imma li ninfetta lil ħaddieħor ma rridx. Inħossni ħati ħafna kieku, mingħajr ma nkun naf, inkun kaġun li dak li jkun jimrad jew agħar minnhekk inpoġġilu ħajtu fil-periklu. Hemm bżonn ta’ aktar ittestjar, li r-riżultati joħorġu qabel u li jkun hemm inqas egoiżmu,” sostna Bonnici Cachia.

“Bdilt is-sistema…”

Fil-perjodu li fih kien Boffa dan l-eks pazjent kien sodisfatt ħafna bl-ikel u l-indafa li sab. Huwa faħħar il-ħidma tal-Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne fejn sostna li, “il-Ministru huwa raġel serju, bravu u jaħdem ħafna. Il-problemi li sibt mhux indirizzati lilu għax verament raġel tal-affari tiegħu. Imma huwa ma jistax ikun jaf b’kollox u b’dak kollu li jkun għaddej”. 

Fl-opinjoni ta’ Bonnici Cachia, l-ispazju fejn qegħdin ikunu rikoverati l-pazjenti f’Boffa huwa żgħir wisq biex jilqa’ 49 pazjent għaċ-ċirkostanzi li ninsabu fihom minħabba l-pandemija. Huwa jemmen li jkun tajjeb ukoll jekk il-pazjenti jitqassmu biż-żgħażagħ għalihom u l-anzjani f’sala oħra minħabba li dawn tal-aħħar huma aktar vulnerabbli. Barra minnhekk, huwa qal li jkun tajjeb ukoll jekk jinfirdu l-pazjenti pożittivi u mill-oħrajn li jkun għaddielhom.

Huwa nnota li l-infermiera kienu kważi kollha Indjani fejn iċċara li dawn il-barranin verament jaħdmu tant li ,“ikunu bla nifs”. Każ li semma’ kien dak ta’ anzjan ta’ 84 sena bid-dimensja li daħal marid bil-Covid-19. Huwa qal li kien iweġġgħu ħafna l-fatt li dan kien. donnu abbandunat. “Ħadd ma kien jiġi jarah, tant li kien qisu ħanżir,” spjega Edgar. Sostna li kellhom ikunu l-pazjenti sħabu stess li kienu jitimgħuh u jgħinuh isib it-toilet u lura fil-kamra tiegħu minħabba li bid-dimensja kien jinsa. 

Dan il-pazjent asintomatiku qal li wara tliet ġimgħat, fl-aħħar kellu riżultat negattiv. Ovvjament huwa kien eċċitat li jirritorna għal-ħajja normali tiegħu barra l-isptar imma ġara li anke kien hemm dewmien biex joħroġ iċ-ċertifikat meħtieġ. Iddiżappuntat, Edgar bi protesta beda jirrifjuta l-ikel u anke t-test tat-demm. 

Huwa qal li, minħabba biżgħa li jerġa’ jinfetta ruħu bil-Covid-19 minn pazjenti oħra fl-isptar, beda joqgħod b’sebgħa għajnejn billi jilbes żewġ maskri u mhux waħda, joqgħod ‘il bogħod kemm jista’ jkun. Bonnici Cachia beda wkoll il-ħin kollu s-sanitizer u kien b’qalbu mtertqa, “għax fejn se nkun naf jiena jekk erġajtx blajtu sagħtejn qabel noħroġ minn hemm? Ir-riżultat se jkun negattiv għax ikun diġà ħareġ. Imbagħad immur barra, inkun bla sintomi u nerġgħu nibdew iċ-ċiklu ta’ infezzjonijiet. Huwa għalhekk li hemm bżonn ta’ aktar kontrolli u li noqogħdu attenti li r-riżultati tal-iswab joħorġu aktar malajr”. 

Huwa qal li jista’ jkun proprju għalhekk li għadna bil-każijiet fuq il-mija fejn żied jgħid li, “dan ikollok int u tagħtiha ħames jew sitt min-nies u huma jinfettaw aktar nies u nibqgħu sejrin hekk. Għalhekk wieħed irid joqgħod attent u l-awtoritajiet ikunu aktar viġilanti”. 

Bonnici Cachia qal li fl-aħħar ġranet li kien rikoverat iddeċieeda li jindirizza dawn il-problemi mat-tobba li semgħuh u anke tawh raġun. L-eks pazjent qal li grazzi għall-fatt li ġibed l-attenzjoni fuq dawn in-nuqqasijiet, l-amministrazzjoni tal-isptar mill-ewwel ħadet passi u biddlu s-sistema. “Irranġaw anke dik il-kwistjoni taċ-ċertifikat li jinħareġ meta tirriżulta negattiv mill-Covid-19. Qabel ma kienx hemm żmien stipulat meta jinħarġu dawn l-imbierka ċertifikati u kienu jdumu wisq biex joħorġuhom. Dan minkejja li llum il-ġurnata jagħmlu kollox b’sistemi elettroniċi bħalma huwa l-email,” sostna dan ir-raġel.

Huwa jħossu sodisfatt li għamlit differenza pożittiva u jittama li din is-sistema tibqa’ tintuża għall-ġid ta’ kulħadd.

L-aqwa ħabib tiegħu jissielet fl-ITU…

Bonnici Cachia qalilna li huwa kien trankwill ħafna f’dan il-perjodu li kien pożittiv bil-Covid għax ma kienx iħossu ma jiflaħx. Huwa li tilef il-mara proprju minħabba komplikazzjonijiet fil-pulmun, kien jaf x’għandu jistenna jekk kien se jkollu xi komplikazzjonijiet bil-pulmun tiegħu minħabba l-virus. 

Fl-istess perjodu li huwa kien rikoverat Boffa, kien hemm Mater Dei l-aqwa ħabib tiegħu – it-tabib tant maħbub mir-Rabat, Dr Joseph Ferriggi. “Huwa ħabib kbir tiegħi u dejjem inkunu flimkien. Nirrispettaw lil xulxin qisna aħwa u minħabba f’hekk, meta tisma’ b’aħbar bħal din, aktar tweġġa’. Huwa kien l-unika ħaġa f’moħħi u mhux jiena. Kelli dwejjaq kbar li huwa kien tant f’periklu li jitlef il-battalja mentri jien ma kont qiegħed inħoss xejn,” stqarr Edgar. 

Billi jafu lil Ferriggi u lil Bonnici Cachia dejjem flimkien, dan tal-aħħar beda jirċievi ħafna telefonati min-nies biex jaraw kif inhuwa t-tabib. “Issa jinsab lura d-dar jirkupra. L-akbar xewqa tiegħi hija li nkun nista’ nerġa’ nkellmu. Nirringrazzja lil Alla li għadda kollox b’wiċċ il-ġid,” qal kommoss Bonnici Cachia. 

L-aħħar kumment tiegħu kien rigward il-fidi. Bi tbissima Edgar qalilna li meta kien fl-isptar kien hemm raġel li qallu li tul ħajtu qatt ma talab mentri marid fl-isptar, beda jgħid ir-rużarju ta’ kuljum. Fuq din in-nota Bonnici Cachia wissa li, “hemm bżonn li nemmnu f’Alla dejjem u mhux biss meta jkollna l-problemi biss jew meta għandna bżonnu”.

Sport