Ilbieraħ filgħodu, f’Marsaxlokk, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili wettaq eżerċizzju ta’ simulazzjoni f’każ ta’ tsunami f’Malta. L-għan ta’ dan l-eżerċizzju kien li jevalwa l-pjanijiet lokali ta’ rispons għat-tsunami, li jtejjeb l-għarfien u l-kordinazzjoni fil-komunità kollha.
Dan l-eżerċizzju ttestja l-proċeduri attwali tas-Sistema ta’ Twissija ta’ Tsunami fir-reġjun tal-Mediterran, kif ukoll fil-livell ta’ komunità lokali, inklużi l-protokolli ta’ komunikazzjoni. L-eżerċizzju, imsejjaħ NEAMWAVE23, sar taħt l-awspiċi tal-IOC-UNESCO, u ssimula Tsunami minn terremot kbir fittizju taħt il-baħar fil-Lvant tal-Mediterran.
Il-messaġġi ta’ allerta xxandru mit-Tsunami Service Provider ġewwa Ruma u waslu għand id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili minn fejn ġew ikkomunikati lill-entitajiet kollha permezz tal-protokolli standard. Eżerċizzju fuq skala żgħira fuq il-post involva l-evakwazzjoni u t-trasport sikur ta’ grupp ta’ tfal tal-iskola, u d-daqq ta’ sireni.
Eżerċizzju simili, NEAMWAVE21, sar f’Marzu 2021, filwaqt li f’Marsaxlokk kien sar eżerċizzju ta’ evakwazzjoni fuq skala sħiħa f’Novembru 2021. F’dan il-proġett, numru ta’ komunitajiet Mediterranji, fosthom Marsaxlokk, tħejjew biex jiġu ċċertifikati bħala Tsunami Ready.
L-eżerċizzju kien ikkoordinat mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, bl-appoġġ tad-Dipartiment tal-Ġeoxjenzi, l-Università ta’ Malta. Il-Baħar Mediterran inħakem minn tsunami diversi drabi matul is-seklu li għadda, fosthom fl-1908 (Messina), fl-1956 (il-Greċja), fl-2003 (l-Alġerija) u fl-2017 (il-Greċja). Dan ifakkarna fil-ħtieġa urġenti li nkunu aktar ippreparati għal avvenimenti bħal dawn.