100,000 passiġġier jerġgħu jużaw it-trasport pubbliku
Miktub minn ANTHEA CACHIA, Filmat: ALAN SALIBA
F’ konferenza stampa, Ian Borg, il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali flimkien mal-Prim Ministru Robert Abela u Felipe Cosmen, iċ-Chairman tal-Malta Public Transport, ħabbar u nawgura 50 vettura għat-trasport pubbliku b’investiment ta’ €11-il miljun.
Dan l-investiment huwa t-tieni wieħed konsekuttiv hekk kif is-sena li għaddiet kien hemm investiment ta’ 40 vetturi oħra. Madankollu din is-sena l-investiment li sar ra li jkun ta’ mpatt mhux biss fuq il-passiġġiera li l-Gvern qiegħed jiżgura li jkollhom servizzi effiċjenti iżda li jassigura li t-tniġġis mit-trasport pubbliku jkun imnaqqas mill-aħjar li jistgħu u għaldaqstant dawn il-vetturi li se jkunu ta’ tip ‘EURO6’, li se jnaqqas mit-tniġġis tal-ambjent u sussegwentament itejjeb il-kwalità tal-arja.
Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li qabel il-pandemija, fl-ewwel xahrejn ta’ din is-sena Malta rreġistrat 4.5 miljun passiġġier kull xahar, żieda totali ta 19% jiġifieri medja ta’ miljun passiġġier aktar kull xahar meta mqabbel mas-sena li għaddiet.
Minkejja li n-numru ta’ passiġġiera naqsu tul il-perjodu tal-pandemija b’total ta’ bejn 30,000 u 40,000 passiġġier kuljum sal-bieraħ stess in-numru tela’ għal aktar minn 100,000 passiġġier. B’hekk il-Ministru Borg qal li dan kollu juri li t-trasport pubbliku ma jintużax biss mit-turisti.
Il-vetturi ġodda għandhom faċilitajiet effiċjenti li se jiffaċilitaw il-bżonnijiet tal-passiġġier. Għaldaqstant dawn il-vetturi se jkunu twal 12-il metru, tliet metri aktar meta mqabbla mal-vetturi l-qodma tat-tip King Long u għalhekk se jkunu qiegħdin jilqgħu aktar passiġġiera f’vjaġġ wieħed.
Din il-“flotta żagħżugħa u nadifa” se tgawdi wkoll minn żewġ bibien, mhux biss biex ikun hemm ‘flow’ effiċjenti iżda se tkun miżura tajba għas-sigurtà tal-passiġġiera tagħha.