Wednesday, April 24, 2024

ARA: “Irridu nirriskjaw xi ftit jekk irridu niksbu r-riżultati”

Dr Joseph Muscat, Chairman tal-Malta Premier League

Aqra wkoll

F’Ġunju li għadda, il-klabbs li jiffurmaw il-Kampjonat BOV Premier ħatru lil Dr Joseph Muscat bħala Chairman tal-Malta Premier League. Muscat se jkun qed imexxi din l-assoċjazzjoni biex jiġu implimentati riformi li se jwasslu biex tiġi ffurmata organizazzjoni li tmexxi l-Kampjonat Premier b’mod separat mill-Malta Football Association (MFA). Din l-assoċjazzjoni li bil-mod il-mod qed tipprova twassal mhux biss il-messaġġ tagħha iżda eventwalment jittieħdu wkoll xi deċiżjonijiet li għandhom iħallu marka fil-futbol Malti.

Dan il-sit iddeċieda li jintervista lill-eks Prim Ministru Malti u jieħu l-fehmiet tiegħu dwar dan ir-rwol li qed iħaddan.

Bdejna sabiex insaqsu lil Dr Muscat dwar it-transizzjoni mill-politika għall-futbol. Kemm iħoss li l-esperjenza tiegħu fil-politika se tgħinu fil-futbol?

“Kif kulħadd jaf fil-politika int ikollok x’taqsam ma’ ħafna nies u l-istess fil-futbol. Meta tkun fl-amministrazzjoni, int għandek żewġ karatteristiċi importanti; dik li tisma’ u fis-si u n-no trid tieħu deċiżjoni anke jekk kultant ma tkunx waħda popolari. Naħseb li l-esperjenza li kelli se tgħinni ħafna sabiex nonora dan ir-rwol li tawni l-klabbs bl-aqwa mod possibbli.”

YouTube video

Joseph Muscat sostna li l-Malta Premier League mhux xi ħaġa ġdida fil-futbol Malti minħabba li qabel kien hawn għaqda oħra msemmija Malta Premier League Standing Committee fejn xi kultant dan il-kumitat kien jiltaqa’. F’dan il-każ, din l-għaqda se tara li tkun konsistenti u toħroġ b’numru ta’ proposti attraenti.

YouTube video

“Hu fatt magħruf li rridu kampjonat li jkun aktar attraenti minħabba li għalija għadu mhux qed jiġbed biżżejjed nies lejn il-grawnd. Hemm potenzjal li m’aħniex nisfruttawh u rridu nindirizzaw din il-problema.”

Dr Muscat sostna li hu jitkellem b’mod regolari mal-presidenti tal-klabbs li jagħmlu tant sagrifiċċji sabiex jamministraw it-tim tagħhom. Il-fehma ġenerali ta’ kulħadd hi li jrid jinħoloq djalogu għall-ġid ta’ kulħadd anke sabiex l-istess klabbs ikunu aktar sostenibbli filwaqt li dak il-persuna li jinvesti flusu fil-futbol Malti, jkollu xi forma ta’ ringrazzjament għall-kontribut li qed jagħti. Għalhekk, skont Dr Muscat, irid ikun hemm mudell ekonomiku.

Iżda Dr Joseph Muscat x’relazzjoni għandu mal-president tal-MFA Bjorn Vassallo?

YouTube video

“Nista’ ngħidlek li għandi relazzjoni eċċellenti ma’ Bjorn Vassallo kif ukoll mal-amministrazzjoni oħra fi ħdan l-ogħla assoċjazzjoni tal-futbol Malti.”

Kien hemm xnigħat li forsi Dr Muscat daħal fil-futbol Malti sabiex xi darba jaspira li jilħaq president tal-MFA. Kemm hu minnu dan kollu?

“Nista’ nserraħ ras kulħadd li dan kollu m’hu veru xejn. Fil-verita’ la għandi aspirazzjoni u lanqas il-ħin biex nipprova nokkupa din il-kariga. Bħalissa qed niffoka ħafna fuq il-Malta Premier League, fejn nixtieq niżviluppa sew din l-assoċjazzjoni.”

Bħala ċ-chairman tal-Malta Premier League, tlabnieh ukoll l-opinjoni tiegħu dwar in-numru ta’ timijiet li għandu jkollu l-ogħla kampjonat Malti. X’jaħseb dwar l-14-il tim li hemm bħalissa fil-kampjonat BOV Premier?

YouTube video

“Dak mhux kompitu tiegħu nara kemm hu n-numru ideali li għandu jkollu l-ogħla kampjonat Malti u fuq deċiżjonijiet li qed jittieħdu. Li hu żgur li ma jistax jikber iktar bħala numru għax imbagħad hemm il-kwistjoni tal-liċenzjar tal-klabbs tal-UEFA li mhux kull min hu fil-Premier bilfors jista’ jilħaq. “

Joseph Muscat għamel aċċenn ukoll dwar l-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali li għadu mhux attraenti biżżejjed sabiex il-familji jmorru jaraw logħba futbol. Hu jħoss li hu diffiċli ħafna li dan l-istadium jimtela’ kollu waqt xi logħba tal-kampjonat sakemm ma tkunx xi partita importanti u deċiżiva. Hu qal li jkun ideali li jkun hemm grawnd li jesa’ madwar 5000 spettatur li jaqdi wkoll il-ħtiġijiet preżenti tal-logħbiet tal-kampjonat li ma jkollhomx din l-attendenza lanqas xi kultant. 

YouTube video

Tkellimna miegħu dwar in-numru ta’ plejers barranin li jista’ jkollhom timijiet tal-Premier. Jaqbel li għandu jkun hemm 11-il plejer barrani?

YouTube video

“Jien ma nemminx u ma narax distinzjoni bejn plejer Malti u plejer barrani. Nemmen li jilgħab min hu tajjeb f’dak il-mument għalkemm lanqas naqbel li plejer jiġi ġġudikat skont in-nazzjonalita’ tiegħu eżempju għax Brażiljan allura jkun aħjar minn dak Malti. Dan kollu mhux minnu għax hawn plejers Maltin li jħabbtuha sew ma’ dawk barranin.”

Madankollu Joseph Muscat jemmen li għandna ninċentivaw aktar plejers Maltin sabiex jilagħbu barra minn xtutna. Hu veru li hawn Malta hemm dik li bl-Ingliż insejħulha comfort zone minħabba li f’pajjiżna l-plejer iħossu stilla iżda mbagħad meta jmur hemmhekk irid jibda kompletament mill-ġdid.

Muscat jgħid ukoll li t-tim nazzjonali Malti avvanza sew f’dawn l-aħħar snin u r-riżultati li seħħew jitkellmu waħedhom. Hu jħoss li ġaladarba ċerti plejers jirtiraw mit-tim nazzjonali, se jkun hemm bżonn li jimtlew ċerti pożizzjonijiet sabiex il-kowċ nazzjonali jkollu minn fejn jagħżel.

Iżda x’jaħseb Joseph Muscat dwar il-futur tal-Malta Premier League?

YouTube video

“Hemm fin-nofs numru ta’ deċiżjonijiet li jridu jittieħdu u li mhumiex żgħar. L-għan hu li l-Kampjonat Premier Malti jkun suċċess iżda apparti minn hekk li wkoll jibbenefikaw aktar il-klabbs lokali.”

“L-għan hu li jkun hemm timijiet Maltin li javvanzaw aktar fil-kompetizzjonijiet Ewropej u jkollna wkoll xi wieħed minnhom li jikkompeti fil-fażi tal-gruppi tal-UEFA Europa Conference League. Dan m’għandux ikun biss darba kultant jew kif jgħidu fula f’qargħa iżda din tkun xi ħaġa konsistenti. Ġaladarba dan kollu jseħħ, se jkun hemm aktar injezzjoni finanzjarja u fl-aħħar mill-aħħar igawdu l-klabbs l-oħra.”

“Finalment, f’dan ir-rigward nixtieq ngħid li hemm bżonn li bħala riċetta ma nħalluhiex l-istess. Metaforikament, il-kok hemm bżonn li jesperimenta u ma jużax dejjem l-istess ingredjenti għax inkella kif aħna se nibqgħu. Jekk iżid xi ħaġa ma’ dik ir-riċetta, se jkollna aktar togħma forsi wkoll waħda aħjar. “

“Bla dubju li rridu nirriskjaw xi ftit jekk irridu niksbu r-riżultati u bħala chairman tal-Malta Premier League, se nkun qed nagħmel dak kollu possibbli sabiex nara li l-futbol Malti jitjieb u barra li jkun ta’ kwalità ikun qed irendi wkoll.”

Sport