Fl-aħħar jiem, il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi kien impenjat jorganizza l-arranġamenti sabiex għal darb’oħra tittella’ Festa Għeneb b’suċċess.
Mark Cassar, produttur tal-inbid li se jieħu sehem fl-edizzjoni ta’ din is-sena fis-Siġġiewi, qal ma’ dan il-ġurnal illi fl-opinjoni tiegħu hemm stennija kbira għal Festa Għeneb ta’ din is-sena. Huwa qalilna li s-Siġġiewi bħala raħal huwa magħruf sew għall-għeneb tant li fl-antik kien jattira anki nies minn Għawdex: “L-għeneb tas-Siġġiewi minn dejjem kellu reputazzjoni tajba ħafna. Is-Siġġiewi huwa l-ikbar lokalità f’Malta bl-akbar ammont ta’ żoni li jitkabbru d-dwieli fihom. L-għeneb li kien jitkabbar qabel f’dawn l-akkwati, u anki jekk tibqa’ sejjer sal-Fawwara, kienu saħansitra jiġu għalih minn Għawdex”.
Huwa spjega li ż-żoni u l-klima tal-għelieqi fis-Siġġiewi jikkumplimentaw lil xulxin u flimkien joħolqu ambjent addattat għal għeneb u nbid mill-aqwa. Fil-fatt, f’intervista ma’ dan is-sit, Mark qalilna li għat-tip ta’ nbid li jipproduċi hu, kien jeħtieġ żona partikolari għaliha u li s-Salib tal-Għolja inzerta l-post ideali.
Produttur tal-inbid b’21 sena esperjenza fid-dwieli tal-għeneb
Mark, Furjaniż ta’ 61 sena u sid ta’ Mar Casar La Maison Du Vin Naturel Methode Qvevri fis-Siġġiewi, li għal dawn l-aħħar 21 sena ddedika ħinu għad-dwieli tal-għeneb biex jipproduċi nbid uniku f’pajjiżna. Is-sistema li tintuża fil-kantina tiegħu għall-produzzjoni tal-inbid hija dik li tintuża fil-Georgia li tmur lura madwar 6,000-7,000 sena.
Mark 11-il sena ilu ħadem struttura off grid, jiġifieri struttura li mhix imqabbda mal-Enemalta, li tikkonsisti f’45 pied taħt l-art b’ġiebja li tiġbor l-ilma tax-xita. Permezz tat-tubaturi mbagħad tidħol l-arja friska li tassigura temperaturi ta’ madwar 18°C anki meta f’pajjiżna jkollna temperaturi għoljin ħafna li jaqbżu l-40°C.
“Oriġinarjament bdejt fl-2015, bi nbid naturali, jiġifieri mingħajr użu ta’ kwalunkwe sintetika fl-għelieqi — għandi dawk li jissejħu ‘ċertifikazzjoni organic’ li tingħata mill-MCCA”. L-għelieqi ta’ Mark, li jikkonsistu f’madwar 27 tomna huma kollha free organic: “Nużaw sistema magħrufa bħala cosmoculture — kultura differenti fis-sens illi nħalli l-ħaxix salvaġġ jikber fl-imkien mad-dwieli … kull tip ta’ ħaxixa selvaġġa għandha użu mediċinali, saħaq Mark”. Infatti, huwa osserva li riċentament kiseb ċertu klijentela Maltija. Mark jesporta l-inbid lil hinn minn xtutna, partikolarment lejn l-Italja.
“Minn dejjem kelli f’rasi li nagħmel inbid li nista’ nixorbu jien”. Hawn Mark fissrilna li hu għandu allerġija għal kull ħaġa li hi sintetika u għalhekk ried prodott mingħajr traċċi ta’ pestiċidji u/jew mingħajr l-aġġunt tal-kubrit (sulphur). Fl-2020 imbagħad kienu saru riformi fil-leġiżlazzjoni, “speċjalment min-naħa tal-Qorti Ewropea u bdejt nagħmel inbid bil-qanneb … inbid bil-fermantazzjoni tal-kannabis”. Dan it-tip ta’ nbid s’issa għamlu darbtejn b’żewġ dożi differenti.
Onorat li se jkollu involviment dirett f’Festa Għeneb
L-inbid ta’ Mark se jkun għall-bejgħ waqt Festa Għeneb mil-lejla stess. L-attivitajiet marbuta ma’ dan il-festival, li għall-ewwel darba se jittella’ fuq perjodu ta’ jumejn (is-Sibt u l-Ħadd, 18 u 19 ta’ Settembru), se jsiru fi Pjazza San Nikola, is-Siġġiewi. Mark se jkun wieħed miż-żewġ produtturi ewlenin tal-inbid u se jkollu tliet tipi ta’ nbid: inbid aħmar, inbid isfar, u s-sacrum.
“Inħossni onorat li, il-lokalità li ilni ngħix fiha mas-sentejn u nofs u li ilni naħdem fl-għelieqi tiegħi (tas-Salib tal-Għolja) għal dawn l-aħħar 21 sena, se nkun nista’ nagħti kontribut żgħir lejn is-Siġġiewi,” qalilna Mark fil-messaġġ tiegħu li għaddielna għal Festa Għeneb.
Il-ftuħ uffiċjali ta’ Festa Għeneb 2023 se jsir illum fis-7:00 p.m. fejn il-pubbliku jista’ jgawdi minn wirjiet ta’ lbies tradizzjonali Malti, arti u artiġjanat, kif ukoll ikel tipiku Malti. Ma jonqosx ukoll spettaklu pirotekniku mtella’ mill-Għaqda tan-Nar ta’ San Nikola (is-Siġġiewi). Il-programm tal-Ħadd, mis-7:30 a.m. sal-11:00 p.m. jikkonsisti f’wirja tal-annimali, wirjiet ta’ makkinarju u għodod agrikoli, kif ukoll wirja ta’ karozzi klassiċi, għana u mużika tradizzjonali, wirja u kompetizzjoni tal-inbid, fost oħrajn.