Ftit sigħat wara li Kalush Orchestra ġew dikjarati rebbieħa tal-Eurovision Song Contest, beda jinxtered il-filmat uffiċjali tal-kanzunetta rebbieħa ‘Stefania’.
Fil-filmat miġbud minn postijiet fl-Ukrajna li sfaw fil-mira tal-attakki Russi, jispikkaw it-tbatijiet tal-poplu fosthom dawk l-aktar ċkejknin li mingħajr ma jafu x’qed jiġri jispiċċaw jinġarru mill-adulti minn post għall-ieħor.
F’konferenza tal-aħbarijiet wara r-rebħ tal-Eurovision, l-artisti Ukreni qalu li ma rebħux il-festival minħabba l-gwerra. Żiedu jgħidu li huma kienu mal-favoriti sa minn qabel l-invażjoni u li s-sena d-dieħla l-Eurovision jittella’ f’Ukrajna ħielsa.