Saturday, December 28, 2024

ARA: Jitkellem dwar l-oriġini ta’ Lilith f’messaġġ favur li persuna tfittex l-għajnuna

Fl-opinjoni tiegħu s-sapport u s-servizz għal persuni LGBTIQ+ f’Għawdex ser ikun pass kbir ‘il quddiem

Aqra wkoll

F’filmat li ċċirkola fuq il-midja soċjali rigward il-komunità LGBTIQ+ f’Għawdex, qasam il-ħsieb tiegħu Antoine Cauchi — għalliem ta’ 36 sena ġo skola sekondarja f’Malta li oriġinarjament huwa mix-Xewkija Għawdex.

Fatt interessanti dwar Antoine, li probabbli mhux kulħadd kien konxju tiegħu, huwa li Antoine kien wieħed miż-żewġ drag artists li ħadu sehem f’Malta’s Got Talent ta’ din is-sena: il-famuża Olivia Lilith.

Antoine jiddeskirivi lilu nnifsu bħala persuna li jħobb il-palk u d-drama, iż-żfin l-arti u l-kuluri. Għamel xi żmien bħala animator fejn beda jesperimenta bil-make-up u l-parrokki. Huwa spjega li ż-żmien tal-pandemija kien żmien importanti fil-ħajja tiegħu għaliex kien f’dak iż-żmien li rrealizza illi jista’ jsir drag artist; Antoine fisser li minn sensiliet li beda jsegwi fuq it-televiżjoni u minn riċerka li għamel, jekk jgħaqqad il-kapaċitajiet tiegħu flimkien jista’ jkun drag artist.

Huwa semma illi jiftakar żmien fejn minħabba li Għawdex ma kienx hemm ċertu element ta’ diversità meta kien iżgħar, kien donnu jibża’ jesprimi ruħu dwar dan mal-familjari tiegħu, tant li meta daħal fil-ħajja tad-drag dam daqsxejn jostor kollox mill-ġenituri u minn oħtu.

F’dan id-dawl tajjeb li nsemmu illi ftit tal-jiem ilu ġie ffirmat ftehim soċjali bejn is-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza u l-għaqda LGBTI+ Gozo li l-għan tiegħu huwa illi tissaħħaħ il-ħidma favur l-ugwaljanza fil-gżira Għawdxija. Antoine stqarr illi jemmen li: “Is-sapport u s-servizz li ser ikun hemm f’Għawdex ser ikun pass kbir ‘il quddiem”.

Fl-istess filmat appella bis-sħiħ sabiex issa li l-Għawdxin żdidilhom iżjed tagħrif dwar dan kollu u li għandhom iżjed għajnuna biex joħorġu fil-beraħ, ma jiddejqux jikkuntattjaw il-persuni inkarigati mill-LGBTI+ Gozo, li tiegħu Catherine Camilleri hija l-koordinatriċi, sabiex jiċċaraw xi dubji jew biżgħat li jista’ jkollhom.

Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg qalet kif għal dan il-ftehim ġew allokati €30,000 għal perjodu ta’ sena sabiex l-għaqda tingaġġa community worker bil-għan li l-komunità LGBTI+ Gozo jkollha punt ta’ riferiment.

Ekonomija

Sport