Tuesday, May 7, 2024

Mistennija tibda investigazzjoni b’rabta mal-allegazzjonijiet fil-konfront tal-President tal-MUMN

Aqra wkoll

Id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika mistenni jibda investigazzjoni dwar l-allegazzjonijiet li saru fil-konfront tal-President tal-Unjin tal-Infermiera u Qwiebel (MUMN) aktar kmieni.

Dan is-sit jinsab infurmat li mistenni jiskatta proċess biex tinħareġ il-verità kollha b’rabta ma’ dawn l-allegazzjonijiet li saru aktar kmieni mill-preżentatur tar-radju Manwel Cuschieri.

1:00 p.m: Manwel Cuschieri jallega li l-President tal-MUMN iddikjara overtime waqt li kien bil-leave

Fuq il-programm tar-radju ta’ Manwel Cuschieri li xxandar ftit tal-ħin ilu, il-preżentatur tal-programm allega li Paul Pace waqt li kien qiegħed vaganza fl-Eġittu talab li jitħallas ta’ sahra (overtime) li “qatt ma seta’ għamel minħabba li kien f’vaganza”.

Il-preżentatur tar-radju talab lis-semmiegħa biex jimmaġinaw li jaħdmu fuq post tax-xogħol u japplikaw għal-leave, jiġi approvat u jmorru vaganza. Imbagħad, kompla jagħti x-xenarju fejn waqt li tkun mal-familja jew grupp ta’ ħbieb tistrieħ u tgawdi l-vaganza, titlob ħlas ta’ overtime li suppost qiegħed isir fuq il-post tax-xogħol meta fil-verità, fiżikament tinsab barra minn Malta. 

Staqsa, “timmaġinaw dan il-lussu? Kif tista’ taħdem overtime meta tkun barra minn Malta?”. Hawn huwa speċifika li f’dan il-każ tkun qiegħed tipprova tieħu flus li mhux tiegħek. Imbagħad, Cuschieri beda biex jagħti dettalji ta’ safra partikolari minn persuna partikolari li allegatament saret bejn is-16 u t-28 ta’ Frar li għadda lejn l-Eġittu. 

Cuschieri ddikjara li huwa lest li jagħti lill-awtoritajiet l-informazzjoni preċiża fir-rigward u temm jgħid li, “jien se nsegwi u se nistenna żviluppi ta’ x’se jiġri fuq dan il-każ partikolari. Jekk sa nhar it-Tnejn l-affarijiet ma jkunux konkreti biżżejjed bħalma nimmaġina li jittieħdu kontra kulħadd, jien mhux se nieqaf ngħid l-affarijiet. Jien għad-dispożizzjoni tagħkom biex nagħtikom id-dettalji kollha. Fittixthom u sibthom. Qiegħed nistenna li jittieħdu l-passi u jsiru l-investigazzjonijiet. L-istorja mhix se tieqaf hawn. Miegħi mhix se tieqaf hawn”.

Sport