Il-Ħamrun llum kien mimli b’atmosfera brijjuża bl-attività Festa Baned li ttellgħet fi Triq il-Kbira San Ġużepp, attività li mmarkat b’mod uffiċjali l-ftuħ tal-Karnival 2024. Għall-ewwel darba wara diversi snin, il-Karnival Malti reġa’ introduċa l-parteċipazzjoni tal-baned, tradizzjoni tant sabiħa f’dawn iż-żminijiet ta’ festi mimlija kuluri u ferħ.
Il-Festa Baned fil-Ħamrun reġgħet irritornat ikbar minn qatt qabel tant li kien hemm ‘il fuq minn ħames baned jieħdu sehem – Banda San Gejtanu, Banda San Gużepp, Banda Kunċizzjoni, Banda Żejtun u Banda karnivalesta Guggen Music Band. F’din l-attività kien hemm bosta karrijiet trijonfali sezzjoni D flimkien ma’ ħames instalazzjonijiet mill-isbaħ, kif wkoll maskeruni, bosta animaturi u skejjel taż-żfin.

Il-Banda Żejtun daqqet bħala banda kompluta b’arranġamenti mużikali, flimkien ma’ karru u gruppi ta’ allegrija oħra. L-aħħar li rajna xi ħaġa bħal din kien 25 sena ilu.

Attività ta’ espressjoni kulturali Maltija
Din l-attività ta’ espressjoni kulturali Maltija kienet imtella’ minn Festival Malta b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Ħamrun, ġiet milqugħa sew mill-pubbliku hekk kif l-attendenza kienet waħda numeruża. Bi programm mimli attivitajiet għall-familja kollha, il-Karnival Malti dejjem jiġbor fih numru ta’ talenti u ħiliet differenti.


Il-Karnival Malti magħruf għall-karrijiet, sfilati u żfin, kif ukoll mużika u ikel tradizzjonali bħalma hija l-prinjolata u l-perlini, se jiġi ċċelebrat bejn id-9 u l-11 ta’ Frar. Għalih mistennija jattendu bl-eluf hekk kif din l-attrazzjoni ta’ kull sena tiġbed kemm lill-familji Maltin bi tfal żgħar, kif ukoll lit-turisti li jkunu fil-ġżejjer tagħna f’dan il-perjodu.

Fit-8 ta’ Frar attività simili għal din se ssir fil-lokalità tal-Marsa mentri l-għada, 9 ta’ Frar se ssir fil-Mosta. Il-Karnival fil-qalb tal-irħula jagħti ġieħ lil-legat tal-Karnival, kif ukoll iżid l-aċċessibbiltà ta’ din iċ-ċelebrazzjoni lil hinn mill-Belt Valletta u l-Floriana.
