Tuesday, November 26, 2024

ARA: Jixħet yoghurt lejn żewġ nisa għax ma kinux lebsin il-hijab

Aqra wkoll

Żewġ nisa fl-Iran spiċċaw arrestati wara li ġew aggrediti minn raġel li waddbilhom il-yoghurt minħabba li ma kellhomx xagħarhom mgħotti waqt li kienu fil-pubbliku.

Il-filmat li nxtered fuq il-midja internazzjonali juri żewġ nisa jiġu avviċinati minn raġel waqt li kienu qegħdin jistennew biex jixtru xi affarijiet. Hu jidher jieqaf ikellimhom sakemm fid-daqqa u l-ħin huwa sar aggressiv, qabad dak li jidher li kien yoghurt u xerridulhom fuq xagħarhom.

Is-sid tal-ħanut jidher jintervjeni u jkeċċi lir-raġel mill-ħanut. Wara l-każ, l-awtoritajiet ħarġu ordni ta’ arrest għat-tliet persuni li ġew miżmuma xi ħin wara. Jidher ukoll li sid il-ħanut ġie mwissi b’notifika biex iqis li jżomm konformi mal-liġijiet.

Il-Ġudikatura Iranjana qalet li ż-żewġ nisa kienu ġew arrestati minħabba l-fatt li huma ħallew xagħarhom mikxuf fil-pubbliku, liema imġiba hija meqjusa bħala waħda illegali fil-pajjiż. Ir-raġel li deher jaggredihom ukoll kien arrestat fuq ksur tal-ordni pubblika. L-arrest taż-żewġ nisa seħħ wara xhur ta’ protesti fil-pajjiż kontra l-ilbies obbligatorju tal-Hijab.

Li ma tilbisx il-hijab fil-pubbliku huwa illegali għan-nisa fl-Iran, madankollu fi bliet kbar, bosta huma dawk li jinjoraw ir-regola.

Protesti kbar infirxu fir-Repubblika Iżlamika wara l-mewt ta’ Mahsa Amini – mara ta’ 22 sena miżmuma mill-pulizija f’Tehran talli allegatament libset il-hijab tagħha “b’mod mhux xieraq”.

Minn Diċembru, eluf ġew arrestati u erba’ dimostranti saħansitra kienu kkundannati għall-mewt. Madanakollu l-awtoritajiet s’issa mhux qegħdin juru li se jmorru lura mill-kelma tagħhom dwar dan l-obbligu.

F’reazzjoni lill-midja l-President Iranjan Ebrahim Raisi kien ċar fi kliemu u qal li n-nisa fil-pajjiż għandhom jilbsu l-hijab bħala “ħtieġa reliġjuża”. Huwa żied jgħid li sakemm hemm dik il-liġi, huwa obbligatorju li din tiġi mħarsa.

Sport