Tuesday, May 14, 2024

L-ISKUNTENTIZZA BARRA MINN XTUTNA

Aqra wkoll

Il-ġimgħa id-dieħla, eżattament nhar il-Ħamis, Franza mistennija tintlaqat minn strajk nazzjonali ieħor. Il-11-il wieħed minn Jannar ‘lhawn. Azzjonijiet industrijali akkumpanjati minn vjolenza u imblokk ta’ toroq. Ma naqsux konfront bejn il-forzi tal-ordni u l-istess ħaddiema fit-toroq. F’xi ġranet, ix-xeni li rajna f’Pariġi aktar ixxebbagħhom ma’ gwerra ċivili u dan bi tkissir u ħruq ta’ karozzi fost oħrajn. 

Dawn il-protesti inqalgħu minħabba l-pjani tal-gvern biex iżid l-età tal-pensjoni minn 62 sena għal 64 sena u b’hekk inaqqas l-ispiża finanzjarja tiegħu. 

Wieħed irid jgħid li r-riformi fil-pensjonijiet b’mod partikolari meta tiżdied l-età tal-irtirar qatt m’huma popolari. Il-President Franċiż diġa kien għamel tentattiv simili ftit snin ilu. Kien ittanta jagħmel riformi imma kellu protesti immedjati u rtira. 

Il-President Franċiż hu kostrett jagħmel din ir-riforma minħabba d-dejn nazzjonali. Fi Franza hemm sitwazzjoni fejn għal kull pensjonant hemm 1.7 ħaddiem. Dan hu tnaqqis meta mqabbel mas-sena 2000, peress li dakinhar kien hemm 2.1 ħaddiema għal kull pensjonant. Il-Gvern Franċiz kien iddikjara ċar u tond li l-pajjiż ma jiflaħx aktar li jkollu l-età tal-irtirar ta’ 62 sena. 

Dak propost minnu, li l-età tal-irtirar togħla għal 64 fil-mija kif mistenni ġabet rabja kbira. Il-Gvern Franċiż minkejja t-tentattivi li għamel biex jikkonvinċi lil diversi sezzjonijiet, falla totalment. 

L-iżball tal-Gvern Franċiż fil-kwistjoni kollha, jispikka bid-deċiżjoni tiegħu  li se jkompli għaddej bil-pjani tiegħu.

Dikjarazzjoni li ġabet aktar rabja. Wieħed kien jistenna li meta għandek pajjiż li jinsab mifni bi protesti kbar u b’portijiet imblukkati u b’azzjonijiet industrijali li qed jipparalizzaw kumpaniji u korporazzjonijiet kbar, il-Gvern jirrikonoxxi dan u jipprova jagħmel pass lura.

Dan iżda ma seħħx, anzi l-Gvern Franċiż mar pass aktar, uża poteri eżekuttivi biex jisforza ir-riforma fuq il-poplu. Uża artiklu fil-liġi biex il-pjani għar-riforma jibqgħu għaddejjin mingħajr il-bżonn ta’ vot fil-Parlament. Kif mistenni dan ħoloq rabja kbira. Rabja li mmanifestat ruħha fit-toroq.

Dak imwettaq mill-Gvern Franċiż mhu xejn għajr abbuż ta’ poter. Abbuż li minnu nfih qiegħed jhedded id-demokrazija. 

Quddiem ir-rabja tal-poplu Franċiz wieħed ma jistax ma jistaqsix għaliex din ir-rabja. M’hemmx dubju li din ir-rabja mhix ġejja biss minħabba din ir-riforma fil-pensjonijiet. Il-poplu Franċiż illum qed jilmenta minn diversi sitwazzjonijiet fosthom l-inflazzjoni, pagi mhux tajbin u tnaqqis fil-kwalità tal-ħajja. 

Il-protesti mhumiex fi Franza biss. Qegħdin narawhom f’diversi pajjiżi fosthom il-Portugal u l-Greċja fost oħrajn. F’diversi pajjiżi Ewropej, l-iskuntentizza fost in-nies qiegħda tiżdied u dan minħabba diversi raġunijiet li jvarjaw minn pajjiż għal ieħor.

Ma nistgħux ma nħarsux lejn pajjiżna. B’kuntrast ma’ pajjiżi oħra, l-ekonomija tagħna hu mbassar li se tkompli tikbrer b’mod sinifikattiv. Ir-rata tal-għoli tal-ħajja mistennija tonqos, speċjalment fid-dawl tad-deċizjoni tal-Gvern li jkompli jkun ta’ sostenn.
Kien ta’ sodisfazzjon li proprju ftit jiem ilu l-aġenzija ta’ kreditu Fitch Ratings iddikjarat  li mingħajr bżonn ta’ miżuri ta’ awsterità, bħal żidiet fit-taxxi jew tnaqqis fl-ispiża, il-qagħda finanzjarja tal-Gvern ser tibqa’ titjieb minħabba r-rata tajba ta’ tkabbir ekonomiku.  

Tajjeb li waqt li nsegwu dak li qed jiġri barra u l-ġlidiet li qegħdin jagħmlu ħaddiema sħabna, niftakru f’dak li qegħdin ingawdu f’pajjiżna.

Sport