Wednesday, May 20, 2026

Gabriel Dobre … kowċ li mhux biss rebaħ trofej, iżda li rnexxielu jibdel il-mentalità tal-futsal Malti

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Il-futsal Malti kompla jikber b’pass mgħaġġel matul dawn l-aħħar snin u wieħed mill-aktar protagonisti importanti wara dan is-suċċess huwa bla dubju ta’ xejn Gabriel Dobre.

Il-kowċ Rumen irnexxielu jibni reputazzjoni b’saħħitha kemm fuq livell lokali kif ukoll internazzjonali, speċjalment permezz tax-xogħol tiegħu ma’ Luxol St Andrews Futsal Club u fil-passat anke mat-tim nazzjonali Malti tal-futsal.

Dobre, li fil-passat kellu karriera bħala plejer professjonali tal-futsal u rrappreżenta lit-tim nazzjonali Rumen, illum huwa meqjus bħala wieħed mill-aktar kowċis rispettati fix-xena tal-futsal Malti. Il-karriera tiegħu bħala kowċ kienet waħda mibnija fuq konsistenza, dixxiplina u mentalità rebbieħa.

Fil-fatt, ftit tal-jiem ilu, Luxol St Andrews reġgħu kitbu paġna oħra ta’ suċċess meta ġew inkurunati champions tal-FMA Enemed Futsal League għall-għaxar darba fl-istorja tagħhom wara rebħa dominanti ta’ 7-1 kontra l-Universita’ ta’ Malta fil-finali tal-Elite Playoffs li ntlagħbet fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport f’Pembroke.

Luxol bdew il-logħba b’ritmu għoli u mill-ewwel ħadu kontroll assolut tal-partita. Sal-mistrieħ kienu diġà fetħu vantaġġ ta’ żewġ gowls, filwaqt li fit-tieni taqsima komplew jiddominaw sabiex jagħlqu l-konfront b’rebħa kbira li tathom it-tieni unur tal-istaġun.

Wara l-partita, Gabriel Dobre tkellem b’sodisfazzjon dwar dak li rnexxielhom jagħmlu matul dan l-istaġun, iżda fl-istess ħin enfasizza kemm dan is-suċċess ġie permezz ta’ xogħol kontinwu u preparazzjoni serja.

“Għalina din kienet il-finali tal-kampjonat. Ippruvajna niddefendu tajjeb għax konna nafu li huma tim perikoluż. Kienet prestazzjoni tajba u fit-tieni taqsima lgħabna kważi f’direzzjoni waħda biss,” qal Dobre.

Il-kowċ ta’ Luxol ma naqasx milli jfaħħar lill-avversarji tagħhom, hekk kif l-Universita’ ta’ Malta wrew determinazzjoni u karattru minkejja d-differenza fl-iskor finali. Madankollu, Dobre kien ċar li s-saħħa ta’ Luxol tinsab fil-konsistenza tagħhom matul is-snin.

“Aħna dejjem ħadna l-affarijiet bis-serjetá u dejjem imxejna b’mod professjonali. Għalhekk f’dawn l-aħħar snin ksibna s-suċċess. Il-konsistenza lagħbet parti importanti minn dan kollu u aħna qatt ma naqqasna mil-livell.”

Dawn il-kliem jirriflettu mentalità li ilha tiddefinixxi lil Luxol għal diversi staġuni. Fil-fatt, taħt it-tmexxija ta’ Dobre, il-klabb sar sinonimu ma’ suċċess u dominanza fix-xena tal-futsal Malti.

“Fl-aħħar tmien staġuni Luxol kellhom serje ta’ riżultati u trofej mirbuħa. Din kienet it-tmien finali konsekuttiva tagħna. Aħna dejjem irridu nkunu hemm u nibqgħu konsistenti,” kompla jgħid il-kowċ.

Il-konsistenza hija proprju wieħed mill-akbar fatturi li għamlu lil Luxol wieħed mill-aktar timijiet dominanti fl-istorja tal-futsal Malti. Mhux biss rebħu diversi kampjonati u unuri lokali, iżda wkoll bdew jagħmlu isem għalihom barra minn Malta permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-UEFA Futsal Champions League.

Wieħed mill-aktar aspetti li jiddistingwu lil Gabriel Dobre bħala kowċ huwa l-mod professjonali kif iħares lejn il-logħba. Għalih, is-suċċess ma jiġix biss mit-talent tal-plejers, iżda minn preparazzjoni metikoluża, analiżi tattika u mentalità b’saħħitha. Matul is-snin, huwa rnexxielu joħloq kultura ta’ dixxiplina ġewwa Luxol fejn kull sessjoni ta’ taħriġ, kull partita u kull dettall jingħata importanza kbira.

Din il-mentalità għenet lill-klabb mhux biss jirbaħ unuri fuq livell lokali, iżda wkoll ikun aktar kompetittiv meta jaffaċċja avversarji Ewropej. Dobre jemmen ferm fil-kontinwità u fil-bini ta’ proġett fit-tul aktar milli f’suċċessi temporanji. F’għajnejh, il-fatt li Luxol ilhom jaslu għall-finali b’mod konsistenti m’huwiex frott il-kumbinazzjoni, iżda riżultat ta’ viżjoni ċara, xogħol ta’ kuljum u impenn kollettiv minn kull persuna involuta fil-klabb.

Dobre kellu rwol fundamentali biex il-klabb jikseb kwalifikazzjoni regolari għall-fażijiet ewlenin tal-kompetizzjonijiet Ewropej. Dan wassal biex Luxol kisbu rispett kbir minn timijiet barranin, filwaqt li taw viżibilità ġdida lill-futsal Malti.

Ix-xogħol tiegħu ma ġiex injorat lanqas fuq livell nazzjonali. F’Settembru tal-2023 huwa nħatar kowċ tat-tim nazzjonali Malti tal-futsal u taħt it-tmexxija tiegħu Malta kisbet riżultat storiku meta kkwalifikat għar-round ewlieni ta’ kompetizzjoni tal-UEFA għall-klabbs għall-ewwel darba fl-istorja.

Dan il-progress ma ġiex b’kumbinazzjoni. Dobre jemmen li biex il-futsal Malti jkompli jikber hemm bżonn investiment akbar kemm finanzjarjament kif ukoll fl-iżvilupp tal-kowċis.

“Żgur li l-futsal għandu bżonn aktar investiment kemm finanzjarju kif ukoll fl-iżvilupp tal-kowċis – u mbagħad nistgħu nitkellmu fuq l-iżvilupp tal-plejers,” sostna Dobre.

Din hija realtà li ħafna nies involuti fil-futsal ilhom jisħqu fuqha. Minkejja s-suċċessi miksuba, il-futsal Malti għadu jeħtieġ aktar strutturi, aktar appoġġ u aktar opportunitajiet sabiex jilħaq livelli ogħla.

Madankollu, il-fatt li kowċ bħal Gabriel Dobre jinsab fuq quddiem nett ta’ dan il-proġett jagħti tama kbira għall-futur. Il-passjoni tiegħu għall-isport, flimkien mal-esperjenza internazzjonali li jġib miegħu, qed tgħin biex jinbena ambjent aktar professjonali.

Luxol illum huma eżempju ċar ta’ kif tim jista’ jikber permezz ta’ organizzazzjoni, dixxiplina u mentalità rebbieħa. Ir-rebħa tagħhom fil-finali tal-kampjonat kienet konferma oħra tas-saħħa tagħhom, iżda wkoll sinjal li l-klabb għadu bil-ġuħ għal aktar suċċess.

Fil-futur qrib, wieħed mill-għanijiet ewlenin ta’ Luxol se jkun li javvanzaw aktar fil-kompetizzjonijiet Ewropej u jkomplu jgħollu l-isem tal-futsal Malti fix-xena internazzjonali.

U jekk hemm persuna li kapaċi tmexxi dan il-proġett lejn livelli ogħla, dik hija proprju Gabriel Dobre, kowċ li mhux biss rebaħ trofej, iżda li rnexxielu jibdel il-mentalità tal-futsal Malti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport