Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?
L-imħabba tiegħi lejn l-atletika bdiet tard f’ħajti, kelli 28 sena. Meta kont tifla ma kontx sportiva … kienet tinteressani aktar l-arti. Kont bdejt niġri għax kelli bżonn naħli ftit enerġija, u kont nieħu gost b’kemm tħossok libera waqt li qed tiġri.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek fit-trail u r-road running.
F’Novembru li għadda, erba’ xhur wara li kelli t-tieni wild, sirt naf li se jsiru il-World Championships ta’ Xterra f’pajjiżna, f’Għawdex biex inkun preċiża. Din il-ġirja, ta’ ġeneru Trail, hija waħda mit-tlielaq favoriti tiegħi. Ma stajtx ma napplikax għaliha. Flimkien mar-raġel tiegħi, Duncan, li huwa wkoll il-kowċ tiegħi, ħdimna biex inkun preparata bl-aħjar mod possibli. Minn Jannar ‘il quddiem ħadt sehem f’diversi tlielaq oħra, kemm trail, kif ukoll road bħala parti mit-tħejjija. Huwa sodisfaċenti li beda jkolli riżultati tajbin u saħansitra rnexxieli nikseb it-Tieni post f’diversi tlielaq.
X’suċċessi maġġuri oħra rnexxielek tikseb sa issa f’dan l isport li tant tħobb?
Lokalment kelli suċċessi f’diversi tlielaq. Kelli l-opportunitá li ntellaq mat-tim nazzjonali għall-Mountain Running Championships (kemm Ewropei, kif ukoll Mondjali) għal sitt darbiet. Peró, l-aktar suċċessi prestiġjuzi personalment, huma ir-riżultati li qed nakkwista issa, b’żewġt itfal, biż-żgħir li għandu biss 10 xhur. Fid- 9 ta’ Mejju fl-Xterra World Championships, fid-distanza tal-21km, akkwistajt it-tielet post. Ġimgħa wara, ġrejt in-National Mountain Running Championships, tellieqa ta’ 5.6km b’125m ta’ elevazzjoni. Hawnhekk akkwistajt it-tieni post, u bil-ħin li ksibt, ikkwalifikajt biex nerġa’ nkun parti mit-tim nazzjonali għall-European Off Road Running Championships li se jsiru fil-bidu ta’ Lulju fis-Slovenja.
Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?
Huwa sodisfaċenti li wieħed jinnota li l-livell nazzjonali qed iżid sew.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrgu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Il-livell tal-faċilitajiet żdied sew. U żdiedet ukoll il-konkorrenza ta’ nies li jitrennjaw … li hija xi ħaġa pożittiva ħafna.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?
Wara ritorn pożittiv wara li kelli żewġt itfal, ninsab ħerqana biex inkompli nipprogressa fil-prestazzjonijiet tiegħi, b’interess partikori fit-trail, u fid-distanza ta’ 5km fit-tlielaq tat-triq (‘road races’).
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.
Tħalli lil xejn u lil ħadd iwaqqfek milli tibda. Il-ġiri joffri flessibilitá, u allura jagħmilha aktar faċli biex wieħed jirnexxielu jsegwi r-rutina tiegħu.

