Sunday, December 22, 2024

ARA: Kelb il-baħar jaqbeż għal fuq dgħajsa fl-Istati Uniti

Aqra wkoll

Grupp ta’ persuni li kienu fuq dgħajsa ħadu l-ikbar qatgħa ta’ ħajjithom meta kelb il-baħar kbir tar-razza mako qabeż għal ġo dgħajsa tas-sajd li kienu fuqha. Dawn il-persuni kienu qed ibaħħru fuq dgħajsa ta’ 38 pied f’Maine, l-Istati Uniti f’Awwissu li għadda.

Filmat miġbud minn wieħed minnhom juri mumenti ta’ kelb il-baħar jaqbeż ġewwa u barra mill-ilma waqt li kien qed isegwi d-dgħajsa. Fi ftit sekondi wara, il-kelb il-baħar għola mill-ilma u qabeż direttament għal fuq il-gverta tad-dgħajsa.

Wieħed mill-irġiel irrakkonta li dik kienet esperjenza ta’ darba fil-ħajja. Il-kumpanija Sea Ventures Charters li mingħandha nkriet id-dgħajsa f’post fuq Facebook qalet li b’xorti tajba, ħadd mill-persuni abbord ma weġġa’. 

Il-kumpanija qalet ukoll li waqt li kien fuq id-dgħajsa, il-mako ġie mkejjel, immarkat u rilaxxat lura fil-baħar.

Id-dgħajsa bl-isem ta’ ‘Lady Anne’ ta’ spiss toħroġ lil xjenzati għall-immarkar tal-klieb il-baħar, proċess li jinvolvi l-qbid u r-rilaxx tal-kreaturi biex jiġbru dejta xjentifika.

Il-klieb il-baħar imbagħad jinġiebu abbord biex jiġu mkejla, immarkati u fotografati. Id-dejta li tinġabar waqt dan il-proċess tintbagħat lill-Programm Nazzjonali tal-Immarkar tal-Predaturi marittimi.

Aktar kmieni dan is-­sajf, kelb il-baħar ieħor werwer lil dawk li marru fuq il-bajja f’Rockaway Beach fi New York City hekk kif qabeż mill-ilma b’mod simili. Minħabba l-attività tal-klieb il-baħar il-bajja ta’ NYC kellha tingħalaq.

Id-dehriet u l-attakki tal-klieb il-baħar żdiedu din is-sena ’l fuq u ’l isfel mill-kosta tal-Lvant. Xi xjenzati jemmnu li dan jista’ jkun kaġun tal-mewġa ta’ sħana tal-baħar li tiġbed aktar ħut eqreb lejn il-kosta.

Ekonomija

Sport