Wednesday, April 24, 2024

ARA: Knisja ppakkjata fl-aħħar tislima tikkonferma kemm Liam kien maħbub 

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Knisja ppakkjata bin-nies li nġabru biex jagħtu l-aħħar tislima lil Liam Vidal tikkonferma kemm verament kien maħbub.

Waqt l-aħħar tislima li ngħatat fil-Knisja ta’ San Ġwann tas-Salib f’Ta’ Xbiex, iċ-ċelebrant qal li l-preżenza ta’ folla daqstant sabiħa hija l-isbaħ ringrazzjament ta’ dak li Liam għamel f’ħajtu.

Huwa kien deskritt bħala raġel ta’ qalb tajba li moħħu biex jgħin lil kulħadd. Kien attiv ħafna u kien involut f’ħafna attivitajiet tal-isport, bl-aktar irwol riċenti jkun dak ta’ kowċ tan-nursery ta’ Valletta FC. Fost dawk preżenti, kien hemm diversi persuni li kienu lebsin flokk tal-klabb, konferma tal-imħabba ta’ Liam lejn il-klabb.

Liam Vidal huwa r-raġel ta’ 41 sena residenti ta’ Xbiex li s-Sibt li għadda sofra ġrieħi serji wara li l-karozza li kien fiha ħadet in-nar fix-xatt ta’ Marsamxett. Sfortunatament huwa miet jumejn wara li ddaħħal l-Isptar Mater Dei għall-kura.

Preżenti għall-aħħar tislima ta’ Vidal kien hemm ukoll il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Clifton Grima fost persuni distini oħra.

Sport