Sunday, November 24, 2024

ARA: “Kruċjali l-attendenza fiżika tat-tfal fl-iskejjel”

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Isostni dan Clifton Grima ftit wara li nħatar Ministru għall-Edukazzjoni

Waqt li ħafna ġenituri qegħdin jistaqsu jekk humiex se jiftħu l-iskejjel wara l-vaganzi tal-Milied fid-dawl taż-żieda fil-każi ġodda ta’ Covid-19, dan is-sit staqsa lil Dr Clifton Grima, ftit ħin wara li l-Prim Ministru ħatru bħala Ministru tal-Edukazzjoni u l-Isport, x’se jkun qed jiġri f’dan ir-rigward.

YouTube video

Huwa ddikjara ma’ Talk.mt li: “l-iskejjel huma kruċjali għall-iżvilupp sħiħ tat-tfal tagħna u s-sistema edukattiva dik li hi. Li tiżviluppa l-potenzjal kollu ta’ kull tifel u tifla li jattendu kwalunkwe klassi ġewwa pajjiżna. Nemmen li l-attendenza fiżika tat-tfal hija kruċjali fl-iżvilupp tagħhom u għaldaqstant qed inħarsu f’dik id-direzzjoni.” 

Dr Grima se jkun qed jieħu post Justyne Caruana wara li fl-aħħar jiem irriżenjat minn Ministru għall-Edukazzjoni. Huwa stqarr li jinsab onorat li ġie fdat b’responsabbiltà tant importanti li minnha jiddependi l-preżent u l-futur tal-istudenti tagħna. 

Huwa qal li jrid ikun hemm djalogu miftuħ mal-istakeholders kollha involuti f’dan is-settur fosthom l-edukaturi, l-istudenti, il-ġenituri kif ukoll l-unions li jirrappreżentaw lil dawk li jaħdmu f’dan is-settur. 

“Għaddejjin minn żmien partikolari. Inħares ‘il quddiem sabiex nibqgħu niksbu riżultati fis-settur tal-edukazzjoni. Hemm sfidi, li mhumiex żgħar, però l-iktar ħaġa importanti hi li bir-rieda tajba u b’kollaborazzjoni bejn dawk kollha involuti naf li bħala pajjiż nistgħu niksbu ħafna, kif diġa’ ksibna fil-passat.”

“Irridu nibnu fuq il-ħafna tajjeb li diġà hemm u jiena fiduċjuż illi flimkien bħala pajjiż inkomplu navvanzaw f’dan is-settur tant importanti kemm fil-preżent u wisq aktar għall-futur,” tenna Dr Grima. 

Meta mistoqsi dwar is-settur sportiv, Dr Grima esprima s-sodisfazzjon tiegħu li issa dan is-settur ġie elevat għal-livell Ministerjali fejn qalilna li diġà sar ħafna xogħol u jemmen li jistgħu jiksbu aktar.

YouTube video

Enfasizza li: “Dan kollu huwa mibni fuq il-kollaborazzjoni u d-djalogu li kellna mal-Assoċjazzjonijiet u l-Federazzjonijiet, mal-Kumitat Olimpiku Malti, mal-ħaddiema kollha ta’ Sport Malta u dawk kollha li b’xi mod jagħtu kontribut fis-settur sportiv.

“Naħseb li l-formula hi waħda li diġà kisbet riżultati importanti. Naħseb li jekk nibqgħu mexjin b’dan ir-ritmu kapaċi nqumu għall-okkażjoni speċjalment meta fix-xhur li ġejjin se jkollna lil pajjiżna jospita avvenimenti internazzjonali varji fosthom tal-Ispecial Olympics u anke l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar.” 

Fil-kariga preċedenti li kellu, Clifton Grima kien qed iservi bħala Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Organizzazzjonijiet Volontarji. Bejn Ġunju 2017 u Jannar tal-2020, Grima serva bħala Segretarju Parlamentari fil-Ministeru għall-Edukazzjoni, fejn kien responsabbli miż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Organizzazzjonijiet Volontarji.

Il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja se jibqa’ jkollu r-responsabbiltà taż-żgħażagħ u l-għaqdiet volontarji u se jkun iġib l-isem ta’ Ministeru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Organizzazzjonijiet Volontarji. 

Sadanittant, fi stqarrija, l-Unjin Maltija tal-Għalliema (MUT) awgurat lil Clifton Grima għall-ħatra tiegħu bħala Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport u qalet li tħares ‘il quddiem biex taħdem miegħu għall-benefiċċju tal-edukaturi u l-istudenti.

Sport