Friday, December 20, 2024

ARA: Kumpens lill-eks ħaddiema tat-Tarzna esposti għall-asbestos

Aqra wkoll

49 eks ħaddiem tat-Tarzna kienu fost l-ewwel li ngħataw ċekkijiet ta’ kumpens wara li sofrew mill-kundizzjoni tal-Asbestosis. Permezz ta’ dan il-kumpens, li l-ammont tiegħu ivarja bejn il-€5,800 u l-għola wieħed ikun ta’ madwar €16,600, il-gvern qed jara li issir ġustizzja soċjali.

Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana u l-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon fejn fiha ġiet spjegata l-miżura mħabbra fil-baġit li tikkumpensa lilll-eks ħaddiema tal-Malta Drydocks li kienu esposti għal dan il-materjal. Mill-2005, l-Unjoni Ewropea kienet iddikjarat dan il-materjal projbit imma domna biex sirna nafu l-effetti negattivi u perikolużi tiegħu fuq is-saħħa.

Din il-konferenza ġiet indirizzata wkoll mis-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU) Josef Bugeja li qal li din mhix okkażjoni ta’ ċelebrazzjoni imma waħda ta’ rikonoxximent, xi ħaġa li bħala GWU ilhom jagħmluha ħafna. Qal li madwar 20 sena ilu bdew jinqalgħu każijiet u bħala GWU, peress li kienu rappreżentati ġewwa t-Tarzna ta’ Malta, bdew imorru sidien tal-vapuri Amerikani li bdew jitkellmu magħhom dwar il-ħsara li kienet qed tiġri mill-asbestos. 

Spjega li perjodikament beda jiġi avukat Amerikan hawnhekk biex jara l-każijiet sfortunati. Qal li biż-żmien bdew jitkellmu mal-gvern dwar ir-responsabiltà u r-rikonoxxment tal-istat dwar dawn il-ħaddiema minkejja li l-gvern ma kellux tort. 

Bugeja qal li matul iż-żminijiet minkejja li nbidlu s-Segretarji, il-ħidma tat-Taqsima baqgħet dejjem għaddejja. Bugeja rrikonoxxa l-fatt li s-Segretarju tat-Taqsima Jesmond Marshall ħadem bla qies fuq il-kumpens u biex jgħin lil dawn il-ħaddiema tant li kontinwament kien jiltaqa’ man-nies kull fejn kien hemm il-ħtieġa biex tassew jara li din il-ġustizzja soċjali ssir.

“Il-gvern irrikonoxxa, ra s-sofferenza ta’ dawn in-nies u ried jagħmel ġustizzja u jerfa’ wkoll responsabbiltà. Ħdimna flimkien, għax dak huwa r-rwol tal-isħab soċjali, u l-GWU dak ir-rwol tagħmlu mill-bidu sal-aħħar. Tkellimna magħhom kif l-aħjar ikun il-kumpens u fejn is-soltu meta jkollna ftehim kollettiv forsi xi kultant nargumentaw, din id-darba ma kienx hemm argumenti. Ra biss kif nagħmlu sistema li tkun trasparenti u li ntaffu ftit il-weġgħat ta’ dawn in-nies u nagħmlu ġustizzja soċjali. Il-proċess li għamilna, u l-kriterji li ssemmew, kien li nagħmlu proċess trasparenti u d-disponibilità li sibt mingħand iż-żewġ ministri kienet waħda fenomenali,” qal Bugeja. 

Fl-indirizz tiegħu l-Ministru Clyde Caruana qal li jsibha diffiċli biex jaċċetta u jifhem kif qatt, bir-regoli kollha li matul iż-żminijiet eventwalment daħħlu, saħħet il-ħaddiem qatt tista’ tkun pperikolata b’dan il-mod. Qal li bħal kollox fil-ħajja, kultant ikun hemm episodji fejn l-avveniment jiġri u mbagħad nitgħallmu wara u qal li dan tal-lum huwa wieħed minnhom.

“Proprju llum li qegħdin nagħmlu huwa li nirrikonoxxu dak li ġara. Il-ħsara ma nistgħux nreġġgħuha lura imma tal-inqas il-gvern qed jirrikonoxxi dak li ġara u l-inqas ħaġa li jista’ jagħmel huwa li jagħti kumpens,” qal il-Ministru Caruana.

Il-Ministru Caruana qal li l-ammont ta’ dan il-kumpens ivarja bejn €5,800 u l-għola wieħed madwar €16,600. Spjega li iktar kemm huwa kbir l-ammont, iktar ifisser li saret ħsara.

Qal li biex waslu għal dawn l-affarijiet ħarsu lejn tliet oġġetti u wieħed minnhom huwa l-età ta’ meta xi ħadd sfortunatament iħalli din id-dinja. Fisser li mit-300 li applikaw, 200 m’għadhomx magħna. Qal li lil dawn in-nies ukoll se jiftakru fihom u spjega li l-proċess li se jkun qed isir huwa dak li jistabbilixxu min huma l-werrieta tagħhom ħalli huma jieħdu r-rikonoxximent ta’ missirijiethom.

Il-Ministru Caruana spjega li ż-żewġ fatturi l-oħra kienu s-severità tad-diżabilità li nħolqot minħabba l-marda u s-snin ta’ kemm wieħed dam marid. Qal li min-naħa tagħhom raw li jkun hemm erba’ tobba li daħlu f’kull każ biex ikunu ċerti fl-ammonti li qed jagħtu tkun qed issir ġustizzja. Temm jgħid li dan il-gvern dejjem kien viċin il-ħaddiem u hekk se jibqa’.

YouTube video

Min-naħa tiegħu l-Ministru Michael Falzon qal li għalihom dan il-jum ifisser ħafna għax kif dejjem għamlu raw li jaħdmu għall-ġustizzja soċjali u llum qegħdin hawn biex jagħmlu żewġ affarijiet. Waħda hija li jirrikonoxxu u t-tieni li ssir ġustizzja soċjali fil-prattika.

Qal li hija xi ħaġa li tagħmilhom sodisfatti mhux biss għax tgħin b’mod finanzjarju imma għax verament il-gvern qed jaċċetta ċertu responsabiltà għal xi ħaġa li forsi l-istess gvern ma kienux kollha kemm huma konxji tagħha.

Il-Ministru Falzon qal li l-aspett soċjali ta’ dan il-gvern mhux qiegħed fil-Ministeru tas-Soċjal biss imma fil-Ministeri kollha. Żied jgħid li jekk bħala gvern jagħtu l-kelma, dik il-kelma tassew iżommuha bħalma qed jagħmlu f’dan il-każ. Qal li dak huwa x’jagħmel gvern li jemmen fin-nies, fil-ġustizzja soċjali u f’solidarjetà soċjali mhux biss bil-kliem iżda tassew bil-fatti.

Il-Ministru Falzon irringrazzja wkoll lill-General Workers’ Union illi mexxew proċess ta’ applikazzjonijiet u temm jgħid li illum qed jagħtu prova oħra kemm huma gvern li jinvesti fin-nies u li qiegħed hemm għan-nies.

Fl-aħħar tal-konferenza dan is-sit ħa wkoll il-kummenti tas-Segretarju tat-Taqsima GWU Metall u Kostruzzjoni Jesmond Marshall li qalilna li huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalih li qed jara lil dawn l-eks ħaddiema jingħataw kumpens. Dan għaliex fi kliemu stess ma kelhomx bżonn imorru l-Qorti fejn hemm idumu snin twal u jkollhom iħabbtu wiċċhom ma’ ħafna spejjeż biex jaraw ġustizzja. 

“Dan huwa s-sodisfazzjon tiegħi li attendejt għal din l-okkażjoni. Ħdimna għaliha. Għamilna sena sħiħa niġbru d-dokumenti. Ma kinitx faċli minħabba l-pandemija imma fl-aħħar mill-aħħar wasalna,” tenna s-Segretarju Marshall.

Abela: “Ridna nibagħtu sinjal ta’ ġustizzja”

Min-naħa tiegħu l-Prim Ministru Robert Abela rrikonoxxa li b’dan il-kumpens se tkun qed tiġi implimentata miżura oħra mill-baġit ta’ din is-sena.

Kif ġie spjegat fil-konferenza, Abela qal li fejn sfortunatament ġew nieqsa l-eks ħaddiema tat-tarzna li kienu esposti għall-ħsara tal-asbestos, il-kumpens se jkunu qed jeħduh il-familji tagħhom.

Abela qal li ma setgħux isewwu l-ħsara li saret tul tant snin u dan il-kumpens ma jreġġax l-arloġġ lura.

Fl-istess waqt, f’kummenti fuq il-midja soċjali, il-Prim Ministru rrikonoxxa l-qalb soċjali ta’ dan il-gvern li ma setgħetx issabbat il-bieb f’wiċċ dawn il-persuni. Temm jgħid li b’dan kollu riedu jibagħtu sinjal ta’ ġustizzja.

Artiklu preċedenti
Artiklu li jmiss
Ekonomija

Sport