Friday, December 27, 2024

ARA: L-edukazzjoni hija ċ-ċavetta għall-inklużjoni sħiħa

— Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg

Aqra wkoll

“Il-liġijiet tbiddilhom ferm aktar faċli milli tbiddel il-mentalità u l-kultura ta’ poplu sħiħ … kif qal il-Prim Ministru, fadlilna x’nagħmlu għaliex qed naraw li jkun hemm kummenti ta’ mibegħda, speċjalment fuq il-midja soċjali, u anki numru ta’ miżinformazzjoni illi qed ikabbru aktar il-mibegħda kontra l-komunità LGBTIQ+”.

Qalet dan is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg, f’kummenti li tat lil dan is-sit waqt konferenza tal-aħbarijiet b’rabta ma’ konferenza tal-EuroPride bejn it-13 u l-15 ta’ dan ix-xahar.

Hija kompliet tgħid li l-arma biex niġġieldu din il-mibegħda li nibtet kontra l-komunità LGBTIQ+ kif ukoll biex nassiguraw li kulħadd ikun stmat b’mod ugwali hija l-edukazzjoni: “L-għan tagħna matul il-ħames snin li ġejjin, hekk kif tajna wkoll din l-importanza fl-istrateġija nazzjonali li nedejna propju ftit tax-xhur ilu hi li nassiguraw li niġġieldu din il-kampanja ta’ mibegħda b’aktar edukazzjoni”. 

Fl-istess waqt, Buttigieg qaltilna wkoll li rridu nirrikonoxxu lil dawk il-familji Maltin u Għawdxin li mxew id f’id magħhom f’din il-bidla sabiex b’hekk qed ngħixu f’soċjetà aktar inklussiva.

“Il-komunità LGBTIQ+ hija parti integrali mis-soċjetà tagħna”

Mistoqsija dwar dak li qal il-Prim Ministru Robert Abela l-Ħadd li għadda — “xi darba” naslu “nwarrbu l-preġudizzji u l-ġudizzju u ma nitkellmux iktar dwar id-diverġenzi” — is-Segretarju Parlamentari qaltilna li dak huwa l-għan li qed jaħdmu għalih kuljum, biex xi darba ngħixu f’soċjetà fejn ma jkollniex għalfejn noqogħdu nisħqu fuq l-ugwaljanza għaliex din tkun dritt naturali.

Soċjetà fejn kulħadd ikun aċċettat, irrispettivament mil-liema ambjent ġej/ja, u irrispettivament mis-sess, ir-reliġjon u l-kultura tal-individwu.

“Għaldaqstant, ix-xogħol li qegħdin nagħmlu, speċjalment bil-EuroPride, hu li nwasslu l-messaġġ li l-komunità LGBTIQ+ hija parti integrali mis-soċjetà tagħna,” sostniet Buttigieg.

Fl-aħħar nett, hija saħqet dwar il-fatt li permezz tal-ħidma tagħhom iridu jagħmlu ċert li kulħadd ikun stmat l-istess, b’enfasi li ma jkunx hemm komunità li jkollha iktar drittijiet minn xi komunità oħra, għaliex hekk jitlob il-valur tal-ugwaljanza. 

Il-Konferenza dwar id-Drittijiet Umani … irreġistraw għaliha iktar minn 300 parteċipant/a 

Minn għada, l-Erbgħa, sal-Ġimgħa li ġej (it-13 sal-15 ta’ Settembru) ser tkun qed tittella’ Konferenza dwar id-Drittijiet Umani. Uħud mill-għanijiet tal-Konferenza huma li persuni mill-komunità LGBTIQ+ jingħataw l-opportunità li jaqsmu l-esperjenza tagħhom u li jiġu diskussi xi prattiċi li jeħtieġu jitjiebu, fost oħrajn. Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari, Rebecca Buttigieg, waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret il-Phoenicia, il-Belt.

Hija spjegat li din il-Konferenza ssir f’kull EuroPride u li fost it-temi li se jiġu diskussi nsibu l-ażil, l-intersezzjoni bejn ir-reliġjon u s-sesswalità, id-drittijiet, l-isports, l-irwol tal-ġenituri ta’ persuni LGBTIQ+, kif ukoll is-sitwazzjoni tal-Pride madwar l-Ewropa, inkluż dawk il-pajjiżi li kienu mxew ‘il quddiem fir-riformi tal-LGBTIQ+ u li issa qed ireġġgħu l-arloġġ lura.

Is-Sur Clayton Mercieca, Kap tat-Taqsima dwar l-Orjentazzjoni Sesswali, l-Identità tal-Ġeneru, l-Espressjoni tal-Ġeneru u Karatteristiċi tas-Sess fi ħdan id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem, ikkalkula li hemm iktar minn 300 parteċipant/a li rreġistraw għall-Konferenza, liema parteċipanti se jkunu qed jirrappreżentaw ‘il fuq minn 150 organizzazzjoni lokali u internazzjonali.

Michael Owen, il-Viċi President tal-Allied Rainbow Community, bi qbil ma’ dak li qalet is-Segretarju Parlamentari, saħaq li din il-Konferenza hija parti integrali mill-EuroPride. F’kummenti ma’ dan il-ġurnal huwa qal li l-EuroPride f’pajjiżna ma tista’ qatt tiġi kkumparata ma’ EuroPride ta’ pajjiżi oħra. 

B’referenza għal din il-ġimgħa u l-ġimgħa d-dieħla, li matulhom se jiġu organizzati diversi attivitajiet imtella’ mill-komunità LGBTIQ+, irrimarka li dawn huma esperjenzi li joħolqu opportunità sabiex il-poplu jingħaqad flimkien u jsir poplu wieħed. 

Huwa żied jgħid li se jkun preżenti għal dawn l-attivitajiet u ħeġġeġ lill-Maltin u l-Għawdxin sabiex jattendu.

Ekonomija

Sport