Il-proġett ta’ spazju miftuħ f’Bormla, li jaqa’ fi ħdan l-aġenzija Project Green, bħalissa jinsab fit-tieni fażi tiegħu. Qalet dan il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija, u l-Intrapriża, Miriam Dalli, waqt konferenza stampa li saret illum fil-Kunsill Lokali ta’ Bormla fejn ingħata aġġornament lill-midja dwar l-andament ta’ dan il-proġett.
Hija spjegat li fl-ewwel fażi tal-proġett talbu s-suġġerimenti tal-Kunsill Lokali, tal-NGOs u tar-residenti, u wara li ħadu inkonsiderazzjoni tal-proposti tagħhom għamlu l-emendi meħtieġa u għaddew id-dokumenti lill-Awtorità tal-Ippjanar għall-għarbiel neċessarju sabiex ikunu jistgħu jinħarġu l-permessi.
Dan l-ispazju miftuħ, ta’ aktar minn 3,000 metru kwadru, mistenni jitlesta fi żmien sentejn minn meta jinbeda x-xogħol ladarba tingħata l-approvazzjoni mill-Awtorità tal-Ippjanar,” qalet il-Ministru Dalli f’kumment li tat lil dan is-sit.
Il-Ministru Dalli kompliet tfisser il-proġett bħala wieħed li se “jkun qed jagħti nifs ġdid lin-nies tal-Kottonera u tal-madwar”; proġett li se jibdel żona urbana “f’pulmun ħadrani”. Hawnhekk fakkret li dan il-Gvern se jkun qed iwettaq wegħda elettorali oħra għaliex din iż-żona li setgħet faċilment tintuża għall-iżvilupp, se titħalla biex titgawda mir-residenti u mill-poplu Malti.
B’rabta ma’ dan kollu, il-Ministru Dalli saħqet li sabiex kwalunkwe proġett ikun suċċess, jeħtieġ li jkun hemm konsultazzjoni man-nies – mal-kunsill lokali, mal-NGOs, kif ukoll mar-residenti – sabiex ikun proġett li jirrifletti l-aspirazzjonijiet tan-nies.
Fil-fatt, hija spjegat ma’ Talk.mt li din intlaqgħet tajjeb min-nies, tant li kien hemm persuni minn etajiet differenti li taw is-suġġerimenti tagħhom, fosthom it-tfal li “ħarġu bl-idea tan-nature hut”. Xi suġġerimenti li saru minn etajiet akbar jinkludu fost l-oħrajn żieda fl-ammont tas-siġar u li jkun hemm parkeġġ imdaqqas taħt l-art, filwaqt li r-Richmond Foundation ipproponiet li jkun hemm żona ta’ riflessjoni. B’hekk, dan ta lok biex ikun ġnien inklussiv li jaqdi l-bżonnijiet ta’ persuni minn età tenera sa anzjani, bi bżonnijiet fiżiċi u mentali differenti; post li se jkopri l-ħarsien ambjentali, is-saħħa fiżika u dik mentali.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, Steve Ellul, bi qbil ma’ dak li qalet il-Ministru Dalli fisser li “l-modifikazzjonijiet li saru fil-pjan oriġinali, saru mill-komunità stess” għaliex l-idea wara l-ħolqien ta’ dan l-ispazju miftuħ hi li jitilqu mill-ħsieb tal-proġett, jikkonsultaw man-nies li jgħixu fil-lokalità, u l-NGOs, għax “l-inqas ħaġa li rridu nagħmlu li dawn il-proġetti ma jaħdmux fil-komunità”.
Huwa ddeskriva dan il-proġett bħala l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f’dan il-pajjiż, u żied jgħid li l-art magħżula tinsab “f’post strateġiku li se jagħti valur strateġiku lill-Kottonera”.