Wednesday, April 24, 2024

ARA: “Lil hinn mill-ġeneru jew l-età, it-tnejn qed juru potenzjal”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Attivist tal-motorsports jifhem is-sentiment ta’ veterani li ilhom snin jitkarrbu

“Minkejja li bl-impenji tal-familja u ħinijiet twal ta’ xogħol u minħabba impenji ta’ negozju li mmexxu jien u ħija, il-motorsports dejjem kellu post speċjali f’ħajjitna”. Hekk beda biex jgħid magħna Charles Galea, f’intervista ma’ dan il-ġurnal. Galea qalilna li llum b’xorti tajba bħala dilettanti tal-motorsports, dawk li tilgħin qegħdin isibu tmexxija li qiegħda temmen dejjem aktar fihom.

 

YouTube video

Charles qalilna li minn dejjem kienet x-xewqa tiegħu li jara lil uliedu jitrawmu f’dan l-isport u saħansitra wasal biex isemmi lil Ibnu għas-sewwieq Petter Solberg; sewwieq deskritt minnu bħala mudell minħabba t-taħlita ta’ kapaċità u umiltà fit-trakka. 

“Nieħu gost insuq imma l-aktar meta nerbaħ”

Tkellimna anke maċ-ċkejken Solberg li minkejja li għad għandu biss erba’ snin irnexxielu jikser ir-rekord tiegħu fit-trakka tal-karting wara li għamel track record ta’ 57.27 s biex kiser it-track record tiegħu stess ta’ 58.20 s. 

Missier Solberg jgħid li ibnu jsuq b’ċertu grinta minkejja li għadu tant żgħir

Minkejja li għad għandu biss erba’ snin, huwa determinat li jibqa’ jiffoka fuq il-karting u b’ċertu determinazzjoni qalilna li għalkemm iħobb isuq, jieħu ħafna gost meta jirbaħ u jaspira li la jkompli jżid il-livell ikun jista’ jikkompeti fuq livell internazzjonali.

“Kif għidtilhom sħabi nħasdu iżda ferħuli fl-istess ħin”

Minbarra Solberg, kellmitna wkoll oħtu, Delcine li fl-età ta’ 11-il sena, minkejja li għad ilha ssuq biss ftit ġimgħat diġà qiegħda turi potenzjal fit-trakka tal-karting.

Missier Delcine jgħid li l-karting huwa l-bażiku biex issir sewwieq tajjeb

Delcine qalitilna li meta tkellmet ma’ sħabha dwar l-isport li kienet qabdet, ħafna baqgħu maħsudin, iżda fl-istess ħin ħadu ħafna interess anke minħabba li hija tagħmel xi ħaġa differenti ferm minn delizzji oħra assoċjati aktar mat-tfajliet bħalma huma l-kant u ż-żfin pereżempju. 

“Il-karting huwa l-bażiku biex issir sewwieq tajjeb u tifhem il-karozza”

Charles Galea

Galea qalilna li min hu dilettant u se jkun qiegħed jaqra din l-intervista jista’ jiftakar b’nostalġija, għalkemm b’ċertu sodisfazzjon ukoll, dak li għaddew minnu bħala dilettanti.

Charles spjegalna li l-imħabba tiegħu għall-motorsports bdiet fl-Awstralja meta kien jattendi attivitajiet hemmhekk ma’ missieru. Meta ġew Malta u beda jitfarfar, Galea dak iż-żmien xtara karozza sportiva u beda jipprattika bir-riżorsi li kien hawn dak iż-żmien. “Dak iż-żmien Hyundai Accent GT kienet xi ħaġa tajba, illum iż-żgħażagħ tal-lum żgur mhux se jikkuntentaw b’xi ħaġa hekk anzi jmorru għal xi ħaġa ħafna aktar lussuża u b’saħħitha”, kompla jgħidilna.

Solberg u Delcine qabel sezzjoni ta’ taħriġ

Barra minn hekk ir-Rabti qalilna li dak iż-żmien ma kienx hawn għajnuna biex issuq xi dixxipplina u l-unika attività li kien hawn kienu l-kwart ta’ mil u xi Hill Climb. Iżda kif kiber daqsxejn ħuh u ġab il-liċenzja xtara karozza aktar b’saħħitha u ddeċidew li jipprova jtellaq biha. Ħuh David Galea kien isuq b’Subaru Impreza STI u meta saq l-ewwel tlielaq setgħu jinnutaw li kellu potenzjal bħala sewwieq; “biex ngħid hekk kien mar tajjeb ħafna u l-fatt li hu tajjeb wara l-isteering u kompetittiv ħafna, wassal biex illum hawn toroq li fihom għandu l-aħjar ħin fejn tidħol karozza bis-saqaf f’attivitajiet organizzati”, kompla Galea.

“Tellieqa tinkludi pakkett sħiħ warajha mhux is-sewwieq biss”

Kompla jgħidilna li hu ġieli saq ukoll, iżda prattikament hu aktar jatribwixxi lilu nnifsu mas-suċċess ta’ ħuh. Missierhom Vince, minkejja li kien hu stess li rawwamhom f’dan l-isport, ma kinitx faċli għalih jaċċetta li jara lil David isuq b’ċertu veloċità. Is-suċċess ta’ sewwieq għal min ma jifhimx huwa individwali pero, warajh ikun hemm tim; li jista’ jkun żgħir jew kbir, li l-importanza tagħhom hi li jkunu jemmnu fil-kapaċitajiet tagħhom, tal-karozza u li jafdaw b’għajnejhom magħluqin lis-sewwieq innifsu.

David Galea waqt attività tal-Hill Climb riċenti, Ritratt: ROTTA

“L-irwol tiegħi fis-suċċess ta’ ħija kien li nara li dejjem ikompli jitjieb. Sibna għajnuna mingħand mekkaniks oħrajn ukoll. Konna nagħmlu riċerka biex nagħżlu l-parts. It-tuning tal-ecu wkoll huwa kruċjali u dawn l-għażliet kollha u l-engine tuning huma bħal pakkett sħiħ li jekk ikollok xi ħaġa nieqsa ma tkunx tista’ tikkompeti biex tirbaħ”, kompla jispjega Charles.

L-aħwa Delcine u Solberg kuntenti li jipprattikaw l-istess sport

“Qatt ma konna rikonoxxuti… illum l-istorja nbidlet”

Mistoqsi dwar l-iżvilupp li ra matul dawn l-aħħar snin, Galea qalilna li hu kien għamel żmien anke fil-kumitat tal-Hill Climb u l-ewwel ħaġa li nnota kienet li kien hawn ħafna toroq li fihom kienu jsiru tlielaq li twaqqfu. Ir-raġuni kienet waħda sempliċi, it-toroq kienu spiċċaw u ma baqgħux tajbin biex jinstaqu vetturi fihom.

Dak iż-żmien kien avviċina lis-Sindku Sandro Craus u bħala kumitat kienu għamlu talba biex isir xi ħaġa biex ikunu jistgħu jerġgħu jsuqu l-Imtaħleb. Dak iż-żmien bil-ftit fondi li kellu l-Kunsill kien daħal biex jirranġa t-triq tal-Imtaħleb u ġiet aċċessibbli għas-sewwieqa. Minkejja dan is-sewwieqa ħassew li kien fadal ħafna xi jsir biex is-sewwieqa Maltin ikunu jistgħu jaraw x’joffru sewwieqa oħra f’pajjiżna. Dan ma kienx possibbli b’dak il-livell ta’ toroq. 

Solberg għad għandu biss erba’ snin u diġà rnexxielu jikser it-track record personali

Bħala klabb dak iż-żmien kienu ressqu l-ilment tagħhom li kellu jsir investiment fil-Hill Climb anke minħabba l-potenzjal tas-sewwieqa involuti.

F’Settembru tal-2018, il-Ministru għall-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Isport Clifton Grima inawguraw proġett b’investiment ta’ aktar minn nofs miljun euro fejn fost affarijiet oħra żdiedet is-sigurtà bl-installazzjoni ta’ 360 metru ta’ crashbarriers u l-użu ta’ materjal apposta u titjib fis-servizzi tal-ilma.

“Il-veterani ma tagħtihomx tort ma jemmnux wara aktar minn 50 sena jitkarrbu”

Rigward l-aħħar aħbar b’rabta mat-twettiq tal-proġett tat-trakka tal-karozzi u l-muturi b’ investiment ta’ aktar minn €20 miljun, Charles qal li hemm reazzjonijiet imħallta. Huwa spjegalna li llum l-veterani għadhom mhumiex jemmnu għax dawn in-nies ilhom aktar minn 50 sena jitkarrbu u baqgħu jistinkaw u minkejja li raw studji u pjanti, qatt ma twettqet il-ħolma tagħhom. Galea qal li hu dak li tħabbar fl-aħħar ġimgħat huwa sostanzjat minn xhur ta’ ħidma ta’ nies professjonali li huma inkarigati minn dawn l-attivitajiet.

Charles jemmen li uliedhom jista’ jkollhom futur sabiħ ħafna f’dan l-isport

Rigward jekk jarahiex possibbli li jaħdmu dawn il-ħaddiema kollha msemmija fil-pjan imressaq, fejn hu stmat li se jaħdmu madwar 220 persuna fuq bażi full time, Charles qalilna li jekk issiefer barra tifhem aħjar kemm trakka ta’ dan il-livell tirrikjedi xogħol. Dan se jkun proġett sportiv u turistiku fl-istess waqt u b’hekk minbarra l-manutenzjoni bħalma huma dwal u teknoloġiji oħra, persuni oħra jridu jieħdu ħsieb li jżommu l-ambjent tal-madwar, inkluż tisbiħ tal-post, fl-aħjar kundizzjoni possibbli għax kif ngħidu l-ewwel ma tiekol l-għajn.

Mitlub jikkonkludi bil-ħsieb tiegħu b’rabta ma’ dawn l-investimenti, Galea qal li “Jiena Charles Galea, iva nemmen li din it-trakka se ssir, se ssir għax jien rajt b’għajnejja u missejt b’idejja l-proġetti ta’ dan il-gvern. Barra minn hekk din it-trakka se tkun il-post ideali għall-barranin li se jkollhom jiġu biex jitħarrġu pajjiżna minħabba l-kundizzjonijiet metereoloġiċi ta’ pajjiżna. Fi żminijiet fejn f’pajjiżhom se jesperjenzaw kundizzjonijiet li ma jippermettux li jsuqu, pajjiżna jrid iwassal il-messġġ li hawnhekk saret qabża kbira fil-motorsports u b’hekk ikun għaqli li dawn jinvestu f’taħriġ f’pajjiżna”.

Sport