Thursday, December 26, 2024

ARA: Malta kredibbli fil-ħidma tagħha għall-ġid komuni

L-għajnuna ta’ Malta fit-Turkija kompliet issaħħaħ ir-relazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Malta għandha x’tagħti fuq livell internazzjonali fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. Minkejja li aħna pajjiż żgħir, il-vot daqstant b’saħħtu huwa turija ta’ fiduċja f’pajjiżna u dawk kollha li ħadmu biex jikkampanjaw mal-kumplament tal-membri tal-pajjiżi. Iddikjara dan ma’ talk.mt, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg meta mitlub jikkummenta rigward il-fatt li Malta kisbet vot kważi unanimu mill-assemblea ġenerali tan-nazzjonijiet magħquda.

YouTube video

“Malta mhux illum kienet solidali ma’ dawn il-pajjiżi u meta nitkellmu aħna nagħtu kredibbiltà. M’għandniex pretenzjonijiet li mmexxu d-dinja jew li naħtfu pajjiżi oħrajn iżda l-ġid komuni”, kompla biex jgħid il-Ministru. Borg żied jgħid li din hija opportunità għad-diplomatiċi tagħna fi New York, iżda wkoll dawk li jinsabu f’ambaxxati oħrajn, anke multilaterali u anke n-nies ġod-direttorati ġenerali u t-timijiet rispettivi tagħhom. Huwa qalilna li fl-opinjoni tiegħu qegħdin jagħmlu biċċa xogħol tajba ħafna fi żmien impenjattiv ta’ gwerra fil-qalba tal-Ewropa u temi pressanti li komplew iwasslu għal sfidi kontinwi.

Il-Kunsill se jiddiskuti diversi sfidi …

Fid-diskussjonijiet li bdew fl-aħħar jiem fil-Kunsill tas-Sigurtà Malta ffukat fuq l-bżonn li nipproteġu lit-tfal milli jispiċċaw involuti f’kunflitti bl-armi. Madanakollu Malta fil-Presidenza ta’ dan il-kunsill se tkun qiegħda titratta diversi sfidi oħrajn fosthom traġedji umani riżultat tal-ġuħ, il-faqar u l-oppressjoni fost affarijiet oħrajn f’diversi pajjiżi. Tkellimna dwar dan mal-Ministru Ian Borg fejn qalilna li dawn l-isfidi flimkien ma’ sfidi oħra ta’ diżastri ambjentali bħalma esperjenzaw pajjiżi bħalma huma s-Sirja u t-Turkija huma kollha sfidi kurrenti li jiġu diskussi fid-diversi kumitati u fora tagħhom.

Malta b’pożizzjoni ċara dwar l-ispostament ta’ persuni…

Ma jistax jonqos li din l-instabbiltà twassal għall-ispostament ta’ miljuni ta’ persuni. Dwar dan il-Ministru qal li t-territorju ewropew inkluż pajjiżna, joffri opportunitajiet għal min irid jaħdem però hemm regoli ċari li wieħed irid isegwi. Madanakollu ħafna drabi ħafna nies fid-disperazzjoni tagħhom jagħżlu li jitilqu u jagħtu jdejhom f’idejn l-ikbar kriminali li jmexxu t-traffikar uman. Kompla biex jgħid li f’dan ir-rigward Malta għandha pożizzjoni ċara mhux biss għax tintlaqat b’mod dirett iżda anke minħabba l-prinċipji li tħaddan.

Dak li seħħ fl-aħħar jiem fit-Turkija u s-Sirja kompla jikkonferma r-relazzjoni tajba li għandha Malta mat-Turkija. Il-Ministru qalilna li Malta kienet minn ta’ quddiem li batet tim importanti biex jipparteċipaw f’missjoni ewropea u jagħtu l-kontribut tagħhom. Minkejja li s-sodisfazzjon kellu jkun li nsalvaw il-ħajjiet, il-familji Torok esprimew gratitudni qawwija ħafna għall-fatt li t-tim Malti għenhom jirkupraw il-katavri ta’ dawk l-aktar għeżież tagħhom.

It-Torok grati lejna għall-għajnuna li offrejna…

“Il-fatt li inti taf li xi mkien taħt il-frak hemm xi ħadd li hu tant għażiż għalik. Anke jekk taqta’ qalbek għax eventwalment tkun taf li dik il-persuna m’għadhiex ħajja, xorta tkun tixtieq taraha u tgħożż anke dawk il-mumenti magħha”, spjega Borg filwaqt li kompla biex jgħid dwar l-aspett uman li wassal biex il-maġġoranza tal-poplu Malti u Għawdxi kkontribwixxew.

Il-Ministru temm jgħid li aħna parti mid-dinja u għalhekk aħna konxji li rridu nagħtu u konvinti li f’ċirkostanzi li allaħares qatt, il-kumplament tad-dinja, inkluż Malta tesperjenza, naraw dik is-solidarjetà tiġi reċiprokata fi bnadi oħra.

Ekonomija

Sport